Sit elettroniku ġdid tas-Servizz PubblikuIs-Servizz Pubbliku għandu sit elettroniku ġdid,
www.publicservice.gov.mt.
Is-sit, aċċessibbli kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-impjegati pubbliċi nfushom, jagħti dettalji dwar it-tmexxija tas-Servizz Pubbliku, l-istruttura u l-operat tiegħu, filwaqt li jinkorpora fih l-aħħar aħbarijiet mis-Servizz Pubbliku. B’hekk is-sit se jżomm kemm lill-pubbliku kif ukoll lill-impjegati pubbliċi aġġornati b’dak li jkun għaddej fl-Amministrazzjoni Pubblika.
Minbarra li jipprovdi informazzjoni aġġornata, is-sit jelenka wkoll l-inizjattivi li qed jieħu s-Servizz Pubbliku u l-Uffiċċji li jaqgħu taħtu biex dak li jkun jifhem aħjar kif l-Amministrazzjoni Pubblika topera.
Fil-paġna prinċipali se tingħata prominenza wkoll lill-aħħar filmati dwar inizjattivi ta’ tiġdid u oħrajn meħuda mis-Servizz Pubbliku.
Permezz tas-sit il-ġdid, is-Servizz Pubbliku se jkun eqreb kemm tal-pubbliku inġenerali kif ukoll tal-impjegati pubbliċi.