PR152703

30/11/2015

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Il-Kap tas-Servizz Pubbliku jirċievi żjara ta’ korteżija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Kummerċ Barrani ta’ Barbados u mill-Kap tas-Servizz Pubbliku tal-Malasja

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Mario Cutajar, irċieva żjara ta’ korteżija mill-Ministru Maxine McClean ta’ Barbados, akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Kummerċ Barrani għall-Barbados, Cecile Humphrey.
 
Cutajar u McClean tkellmu dwar it-tnaqqis tal-burokrazija eċċessiva fi ħdan il-Ministeri u d-dipartimenti tal-Gvern, kemm f’Malta kif ukoll fil-Barbados, kif ukoll dwar inizjattivi li qed jittieħdu biex jiġu ssimplifikati proċessi amministrattivi.
 
Qasmu wkoll esperjenzi dwar it-tmexxija tas-Servizz Pubbliku u l-importanza li jkun hemm persuni f’pożizzjonijiet strateġiċi li jkunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet fil-ħin.
 
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija, Anthony Agius Decelis.
 
Intant, il-ġimgħa li għaddiet, il-kap tas-Servizz Pubbliku u Segretarju tal-Kabinett, Mario Cutajar, irċieva wkoll żjara ta’ korteżija mill-Kap tas-Servizz Pubbliku u Segretarju tal-Kabinett tal-Gvern tal-Malasja, Ali Bin Hamsa. Ali Bin Hamsa għamel din iż-żjara hekk kif ġie pajjiżna biex jattendi u jindirizza l-Commonwealth Business Forum mtella’ l-ġimgħa li għaddiet.
 
Iż-żewġ kapijiet, li kienu ltaqghu waqt il-konferenza tal-Commonwealth Association for Public Administration and Management, li tagħha Ali Bin Hamsa huwa l-President, tkellmu dwar it-tmexxija tas-Servizz Pubbliku f’Malta u fil-Malasja u s-sistemi adottati fiż-żewġ pajjiżi. Saħqu li ż-żewġ amministrazzjonijiet għandhom esperjenzi simili li għaddew u li għadhom għaddejjin minnhom.
 
Qalu li dan l-iskambju huwa ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi għaliex jgħin fit-tisħiħ tal-ħidma tas-Servizz Pubbliku filwaqt li joffri servizz dejjem aħjar lill-poplu.
 
Ali Bin Hamsa kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur tal-Malasja għall-Italja, Dato’ Abdul Samad Othman.