PR151992

15/09/2015

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Imnedija White Paper dwar ir-Riforma fl-Ispezzjonijiet

Il-Gvern qed iniedi White Paper għall-konsultazzjoni biex jindirizza s-sitwazzjoni burokratika li teżisti fis-sistema tal-ispezzjonijiet. Bħalissa jeżistu erbgħa u għoxrin spettorat differenti li bejniethom iwettqu 70,000 spezzjoni fis-sena. Dan iwassal biex in-negozji jistgħu jsirulhom mas-sitt spezzjonijiet f’ġurnata waħda.  Għalhekk ir-riforma hija intiża biex tbiddel il-kultura u torjenta s-sistema lejn iktar konformità mal-liġijiet milli fuq l-infurzar.
 
Il-White Paper qed tipproponi li tindirizza din il-burokrazija permezz tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu li jwassal biex l-ispezzjonijiet isiru b’mod iktar koordinat, trasparenti u serju. Il-White Paper tipproponi tliet mekkaniżmi  għall-konsultazzjoni: li l-ispettorati jingħaqdu f’aġenzija waħda, li l-ispettorati jingħaqdu f’numru ta’ aġenziji speċjalizzati skont il-qasam u li l-ispettorati jibqgħu separati iżda ssir koordinazzjoni ċentrali b’qafas legali li jikkoordina x-xogħol tal-ispettorati u jdaħħal prattiki ġodda fil-mod ta’ kif isiru l-ispezzjonijiet.
 
Din ir-riforma, ikkoordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, se tkun qed twassal għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż imposti fuq l-investitur privat permezz ta’ proċeduri simplifikati li huma favur in-negozji. B’hekk jonqos ix-xkiel għan-negozji li min-naħa tagħhom ikunu f’pożizzjoni aħjar li jinvestu fi proġetti ġodda.
 
Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, li se jieħu madwar sitt ġimgħat, il-Gvern se jkun qed jisma’ mingħand l-istakeholders kollha fosthom mis-sidien tan-negozji nfushom, l-għaqdiet ta’ min iħaddem u t-trade unions. Il-White Paper tinsab ukoll fuq is-sit www.socialdialogue.gov.mt għall-konsultazzjoni pubblika.
 
Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Ottubru 2015.