Mitt impjegat pubbliku jibdew korsijiet ġodda wara ftehim strateġiku bejn is-Servizz Pubbliku, l-Università ta’ Malta u l-MCAST
Iffirmat ftehim strateġiku bejn is-Servizz Pubbliku, l-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, bil-għan li impjegati pubbliċi jibdew korsijiet ġodda minn din is-sena akkademika.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Juanito Camilleri u l-President tal-Bord tal-Gvernaturi Dr Silvio De Bono, is-Sur Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku mhux biss se jkun qiegħed jinvesti fil-ħiliet tal-impjegati pubbliċi imma din is-sena se jkun qed jifred ir-riżorsi umani mill-personnel. Firda li se tkun qed twassal għal użu aħjar tar-riżorsi umani fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Din is-sħubija strateġika mal-Università ta’ Malta u l-MCAST, spjega s-Sur Cutajar, qed issir biex iċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ, is-CDRT, isir kulleġġ ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-Gvern.
L-impjegati pubbliċi se jiġu sponsorjati fl-oqsma tat-tfassil tal-politika, management u tmexxija ta’ riżorsi umani fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega li l-Gvern kellu bżonn nies li jiddeċiedu, għalhekk il-korsijiet li qed jiġu offruti huma MBA fil-Public Management, Baċellerat fix-Xogħol u r-Riżorsi Umani u Baċellerat fl-Amministrazzjoni Pubblika, ilkoll b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta. Mal-MCAST, se jibda jiġi offrut Baċellerat fil-Public Projects.
Min-naħa l-oħra, impjegati gradwati fil-livell ta’ Diploma u Higher Diploma se jkunu qed jingħataw l-aċċess biex ikomplu jinvestu fihom infushom permezz tal-Baċellerat fl-Amministrazzjoni Pubblika.
Is-Sur Cutajar temm jgħid li dan il-Memorandum of Understanding huwa tarġa ewlenija biex jinfetaħ kapitlu ġdid għat-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema tal-Gvern.