Illum saret it-tnedija ta’ żewġ ċentri oħra ta’ servizz.gov – wieħed f’Ħal Qormi u ieħor fil-Birgu – biex b’hekk in-numru ta’ dawn iċ-ċentri issa tela’ għal ħamsa. Ġie varat ukoll is-sit www.servizz.gov.mt, fejn is-servizzi governattivi kollha u l-formoli relatati magħhom huma miġburin f’portal wieħed.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-ċentru ta’ servizz.gov ta’ Ħal Qormi, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li l-istess bħall-istrateġija għal servizzi tal-Gvern fuq il-mowbajl varata ftit jiem ilu, il-ħolqien taċ-ċentri ta’ servizz.gov huwa kunċett ġdid għas-Servizz Pubbliku. Permezz tiegħu, madwar 250 servizz tal-Gvern jitwasslu liċ-ċittadin taħt saqaf wieħed fil-komunità fejn jgħixu. L-ewwel tliet ċentri nfetħu sena ilu fil-Qawra, Raħal Ġdid u Birkirkara.
Is-Sur Cutajar spjega li ċ-ċentri ta’ Ħal Qormi u l-Birgu bdew jaqdu lill-klijenti tliet xhur ilu biex tkun analizzata l-konkorrenza tal-pubbliku. Din kienet tajba ħafna, tant li f’dawn it-tliet xhur kien hemm madwar 2000 talba f’kull ċentru, bl-aktar servizzi mfittxija jkunu dawk marbuta mas-sigurtà soċjali u t-taxxa tad-dħul.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni ħabbar ukoll it-tnedija tas-sit www.servizz.gov.mt, fejn is-servizzi kollha li joffri l-Gvern u l-formolarji marbutin magħhom jinsabu miġburin f’portal wieħed. Huwa semma kif minn 1200 formola, madwar 900 kienu PDFs u għalhekk dawn qed jinqalbu għal e-forms biex l-individwu ma jaħlix ħin jistampa, jimla u jibgħat l-applikazzjoni tiegħu.
Dan kollu, qal is-Sur Cutajar, qed isir biex fi kwalunkwe ħin u minn kwalunkwe post, iċ-ċittadin ikun jista’ jaċċessa s-servizzi governattivi li jkollu bżonn. Semma wkoll kif is-servizz tal-freephone 153 issa qed jiġi ċentralizzat u filwaqt li qabel kien abbinat biss maċ-ċentri ta’ servizz.gov, issa miegħu hemm amalgamati wkoll servizzi tas-sigurtà soċjali, taxxa interna u VAT.
Is-Sur Cutajar żied jgħid li r-rispons tal-pubbliku għal dawn l-inizjattivi kollha qed ikun inkoraġġanti ħafna. Madankollu s-Servizz Pubbliku ma jiddejjaqx jikkritika lilu nnifsu u jirranġa fejn ikun hemm bżonn, kif tixhed l-introduzzjoni tal-mystery shopper fid-dipartimenti tal-Gvern u kif tixhed ukoll ir-reazzjoni tal-Amministrazzjoni Pubblika għar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Dan ir-rapport, qal is-Sur Cutajar, qed jingħata l-attenzjoni sħiħa li tixraqlu “għax ma niddejqux nirċievu l-kritika u nsewwu u ntejbu skont il-bżonn, dejjem bla ma tintmess il-kontabilità u t-trasparenza.”
Is-Sur Winston Pirotta, Kap ta’ servizz.gov, qal li minn meta twaqqfu l-ewwel tliet ċentri f’Diċembru tal-2015, daħlu madwar 70,000 rikjesta. L-aktar servizzi li dwarhom jintalab tagħrif huma dawk marbutin ma’ sigurtà soċjali, VAT, taxxi interni u kontijiet tal-ARMS. Kien għalhekk li ttieħdu passi biex il-pubbliku jkun moqdi bil-preżenza ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u mill-ARMS f’ċentri ta’ servizz.gov.
Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Cutajar u s-Sur Pirotta dawru lill-ġurnalisti maċ-ċentru ta’ servizz.gov ta’ Ħal Qormi.