gov.mt

PR162768

PR162768

05/12/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll membri tan-naħa tal-Gvern tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC), ippreżentaw ittra lill-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti, biex tgħaddiha liċ-Chairman tal-istess Kumitat, li fiha qed jitolbu biex il-kuntratti sħaħ bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare jgħaddu għand l-Awditur Ġenerali. 

Il-Ministru Fearne qal illi l-Gvern mhux talli m’għandux x’jaħbi, talli dan il-proġett ta’ sptar ġdid ta’ 450 sodda f’Għawdex, sptar ta’ riabilitizzjoni u ċentru ta’ turiżmu mediku f’St Luke’s, sptar tal-ġerjatrija f’Karen Grech u skola medika ta’ Barts, jagħmel unur lill-Gvern u ser iħalli impatt pożittiv kemm fil-kura tas-saħħa kif ukoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Il-membri tal-Gvern tal-PAC, is-Segretarji Parlamentari Ian Borg u Chris Agius u d-deputati  Charles Mangion u Joseph Farrugia talbu liċ-Chairman tal-PAC biex l-Awditur Ġenerali jkun jista’ jara:

1. Jekk il-konċessjoni tirrappreżentax valur tajjeb għall-ħlas li ser ikun qed jagħmel il-Gvern għas-servizz tas-saħħa pubblika.
2. Jekk in-nefqa kapitali fil-bini ta’ faċilitaijiet ġodda, apparat ġdid, it-taħriġ, u l-kwalità tas-servizzi li VGH intrabtu li jagħtu u jmantnu tul il-konċessjoni jikkostitwux titjib fuq is-servizz eżistenti u, jekk iva, x’livell ta’ titjib. 
3. Jekk il-kuntratti, inkluż l-investiment fit-turiżmu tas-saħħa u l-iżvilupp fl-iskola medika ta’ Barts, jirrappreżentawx benefiċċju ekonomiku għall-pajjiż u jtejbux is-sostenibbilità tas-servizz tas-saħħa fil-pajjiż.
4. Jekk id-drittijiet tal-impjegati fis-settur pubbliku li jagħtu servizz fl-isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u San Luqa, humiex imħarsa.
5. Jekk il-kuntratti jinkludux proċeduri suffiċjenti biex il-Gvern jikkontrolla l-progress fuq l-iżvilupp tal-proġett, kif ukoll il-livell ta’ servizz miksub.
 
Il-Kuntratti lill-Awditur Ġenerali se jkunu ppreżentati fl-intier tagħhom.  

 
​​​