gov.mt

pr160194

PR160194

01/02/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI - 250 miżura oħra ta’ simplifikazzjoni matul l-2015

​Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni nieda l-pubblikazzjoni ‘Miżuri ta’ Simplifikazzjoni 2015’, pubblikazzjoni li telenka l-miżuri kollha li ttieħdu s-sena li għaddiet biex tonqos il-burokrazija żejda.
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qal li matul l-2015 twettqu madwar mitejn u ħamsin miżura ta’ simplifikazzjoni, sebgħa fil-mija iktar minn kemm twettqu s-sena li għaddiet. Qal li dan l-eżerċizzju huwa turija ta’ kontabilità għaliex jagħti rendikont, miżura miżura, ta’ x’sar u meta ġiet implimentata.
 
Is-Sur Cutajar saħaq li l-ikbar miżura mill-400 miżura li twettqu f’dawn l-aħħar sentejn hija dik tat-tnedija ta’ tliet ċentri fil-qalba tal-komunità li joffru ‘l fuq minn 250 servizz governattiv. Ma’ dawn it-tliet ċentri, saħaq is-Sur Cutajar, jinfetħu tliet ċentri oħra ta’ servizz.gov biex nibqgħu noffru servizz eqreb taċ-ċittadin. Fi ħdan is-Servizz Pubbliku, l-ikbar miżura ta’ simplifikazzjoni kienet id-diċentralizzazzjoni li wettaqna fil-ħatriet u proċessi interni. Din is-sena wkoll, saħaq is-Segretarju Permanenti Ewlieni, issir diċentralizzazzjoni tax-xiri tal-Gvern.
 
Fakkar li s-Servizz Pubbliku jrid jersaq lejn wieħed ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, is-sena kollha. Qal li din is-sena wkoll se jsir one stop shop online tas-servizzi kollha e-government biex wieħed ikollu aċċess il-ħin kollu minn kwalunkwe post li jkun. Fl-2017 dawn is-servizzi jkunu aċċessibbli minn mobile app li l-istrateġija tagħha se titlesta sat-tielet kwart ta’ din is-sena.
 
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis sostna li minn eżerċizzju ta’ awditjar li sar matul l-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, ħareġ li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni tal-ministeri li ġew awditjati kienu fil-fatt għadhom fis-seħħ. Il-Kummissarju qal li r-riżultati sa issa huma inkoraġġanti fejn jidħol iffrankar ta’ ħin jew stennija.
 
Għalqet il-konferenza s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Deborah Schembri, li saħqet li time is money u fil-ħajja mgħaġġla tal-lum hemm bżonn li individwu jinqeda fuq diversi affarijiet minn post wieħed u mhux ħafna ġiri minn dipartiment għal ieħor. Barra minn hekk huwa wkoll importanti li l-poplu jirċievi servizzi online li jirriflettu ż-żminijiet tal-lum. Fl-istess ħin, saħqet is-Segretarju Parlamentari Schembri, ma nistgħux ninsew lil dawk li m’għandhomx aċċess għat-teknoloġija u għaldaqstant servizz.gov din is-sena se jiġi estiż għal tliet lokalitajiet oħra.