‘Is-Servizz Pubbliku jinsab fuq quddiem nett fejn jidħlu miżuri li jwasslu għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja’. Hekk saħaq is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar waqt press briefing li matulha ppreżenta ċifri uffiċjali ta’ kemm ħaddiema tal-Gvern qed jibbenefikaw minn dawn il-miżuri u l-vantaġġi li dawn iġibu magħhom.
Qal li matul is-sena li għaddiet, iċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u t-Taħriġ, is-CDRT, ħarreġ ’il fuq minn tmint elef uffiċjal pubbliku. Figura ferm ogħla minn dik irreġistrata fis-snin ta’ qabel, sostna s-Sur Cutajar. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li s-Servizz Pubbliku huwa model employer f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri favur il-familja. Bħalissa madwar 5,000 uffiċjal pubbliku qed jibbenefika minn miżuri li jwasslu għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. 3,500 minnhom qed jibbenefikaw minn sensiela ta’ miżuri varji filwaqt li 1,300 oħra jinsabu fuq reduced hours.
Hawnhekk is-Sur Cutajar semma l-core hours li kull Dipartiment għandu jkollu bil-għan li jingħata servizz effiċjenti u f’waqtu. Mingħajr policies li jittrattaw l-miżuri favur il-familja, saħaq is-Sur Cutajar, żgur li ma kienx ikun possibbli li jiddaħħlu policies ta’ flessibbiltà fl-għoti tas-servizz.
Dwar it-taħriġ li qed jingħata lill-uffiċjali pubbliċi, is-Sur Cutajar spjega li s-CDRT irid ikun il-Kulleġġ ta’ taħriġ għas-Servizz Pubbliku. Qal li l-ewwel passi diġà ttieħdu, bi ftehim strateġiku bejn is-Servizz Pubbliku, l-Università ta’ Malta u l-MCAST. Mill-2013 lil hawn ġew sponsorjati iktar minn 300 ruħ għal Degrees differenti.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma l-proġett pilota li se jkun qed isir din is-sena fi ħdan tliet Ministeri differenti bil-għan li jinbnew strutturi ta’ kwalità, riżorsi umani u komunikazzjoni bil-għan li s-servizz li jingħata jkun dejjem aħjar.
Dwar l-Employee Support Programme (ESP), programm li joffri għajnuna lill-uffiċjali pubbliċi li jkunu għaddejjin minn sfidi personali li jaffettwaw ix-xogħol tagħhom, is-Sur Cutajar qal li f’ħames snin ġew mgħejuna mas-sitt mitt impjegat.
Is-Sur Cutajar temm jgħid li l-kwalità fis-servizz se tkun ibbażata fuq erba’ pilastri: il-vuċi lill-klijenti, id-disinn ta’ policies li jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-klijenti, il-pakkett li nwasslu fih is-servizzi offruti u l-kontabilità fl-għoti tas-servizz.