gov.mt

pr160221

PR160221

04/02/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI - Uffiċjali pubbliċi u Ministeri rikonoxxuti ta’ ħidmiethom

​Waqt attività ta’ rikonoxximent bit-tema ‘Nirrikonoxxu l-Ideat’, ġew rikonoxxuti mal-mitt uffiċjal pubbliku u tliet Ministeri bħala parti mill-Ġimgħa tas-Servizz Pubbliku – Ninvestu fin-Nies.
 
L-uffiċjali pubbliċi ngħataw rikonoxximent talli fix-xhur li għaddew issottomettew IDEA bil-għan li jtejbu s-Servizz Pubbliku. Mal-mitt uffiċjal ingħataw ċertifikat filwaqt li ħamsa minnhom, li l-IDEA tagħhom se tiġi implimentata, ingħataw rikonoxximent.
 
Il-ħames uffiċjali li ngħataw rikonoxximent kienu n-Nursing Aide Mario Ebejer, l-Assistent Reġistratur fil-Qorti t’Għawdex Anthony Mizzi, Service Manager fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Peter Paul Carabott, Prinċipal fis-sezzjoni tal-Customer Care fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex John Pace u l-Prinċipal Riżorsi Umani fi ħdan id-Depot tal-Pulizija Noel Grixti D’Amato.
 
It-tliet Ministeri li ngħataw rikonoxximent ta’ ħidmiethom kienu l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bħala l-iktar Ministeru li wettaq miżuri ta’ simplifikazzjoni, il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa (Saħħa) bħala l-iktar Ministeru li bil-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ħa kien l-iktar wieħed li l-iktar laħaq persuni u l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali li ħa r-rikonoxximent magħruf bħala The Extra Mile. Dan huwa rikonoxximent ġdid li jingħata lill-iktar Ministeru li jkun ħa miżuri addizzjonali għall-benefiċċju tal-impjegati fi ħdanu kif ukoll għall-ammont ta’ miżuri tal-Baġit li jkun ħa.
 
Fl-indirizz tiegħu  s-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar saħaq li l-għan tal-inizjattiva IDEA huwa li dawk li ressqu idea jiġu rikonoxxuti.
 
Is-Sur Cutajar emfasizza li jekk l-uffiċjali pubbliċi ma jkunux mismugħa jkun hemm possibilità li ma jittieħdux l-aħjar deċiżjonijiet.
 
F’dawn l-aħħar sentejn li ilha varata l-inizjattiva IDEA, daħlu ‘l fuq minn 160 idea kull sena li minnhom tlieta jinsabu fil-proċess li jiġu implimentati. Dan l-ideat qed iwasslu għal simplifikazzjoni tal-proċessi filwaqt li tingħata vuċi lill-impjegati nfushom.
 
Is-Sur Cutajar temm jawgura li iktar uffiċjali jersqu ‘l quddiem b’aktar ideat biex is-Servizz Pubbliku jkompli jiġġedded.