Iffirmat ftehim għall-gradi tas-Servizz Ġenerali bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union u l-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers, għan-naħa tal-Unions.
Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-kwalifiċi akkademiċi ta’ dawk il-persuni li japplikaw għall-proċess ta’ għażla għall-mili ta’ vakanzi fil-gradi Ġenerali fis-Servizz Pubbliku mingħajr il-ħtieġa li wieħed jerġa’ jpoġġi għal eżami bil-miktub.
Il-ftehim jintoduċi diversi kunċetti innovattivi fil-proċess ta’ għażla għall-ħatriet fi gradi tas-Servizz Ġenerali. Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Amministrazzjoni Pubblika li tirregola t-tqassim tar-riżorsi tagħha, applikant issa se jkollu l-opportunità li jindika erba’ oqsma ta’ xogħol fejn jippreferi jaħdem, kemm-il darba jieħu l-ħatra. Din l-għażla tkompli ssaħħaħ il-prinċipju tal-iżvilupp kontinwu tal-impjegat, fejn il-kwalifiċi, ħiliet u kompetenzi jiġu, kemm jista’ jkun, imqabbla man-natura tax-xogħol li wieħed ikun se jwettaq.
Il-ftehim jitkellem ukoll dwar l-introduzzjoni ta’ testijiet psikometriċi (psychometic tests), kemm verbali u numeriċi, li se jieħdu post l-eżamijiet bil-miktub u li permezz tagħhom l-applikant se jiġi assessjat fil-kompetenzi u abilitajiet ġenerali kif ukoll dwar l-għarfien tal-esperjenza fis-servizz permezz ta’ marki apposta waqt l-intervista.
Id f’id mal-istrateġija fis-Servizz Pubbliku mmirata biex issaħħaħ il-kwalità tal-immaniġġjar u t-tmexxija fi ħdan il-Klassi tas-Servizz Ġenerali, iċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ (CDRT) se jkun qed jorganizza programmi ta’ taħriġ li jindirizzaw il-kompetenzi u ħiliet meħtieġa biex wieħed javvanza fil-Klassi tas-Servizz Ġenerali. Filwaqt li dan il-ftehim jimmarka qabża fil-kwalità ta’ kif isir l-ingaġġ fil-gradi tas-Servizz Ġenerali u jikkumplimenta l-istrutturi edukattivi t’evalwazzjoni tal-kwalifiki, bla dubju se jġib titjib fit-trasparenza, kontabbiltà u iktar effiċjenza fit- tħaddim tal-proċessi. Dan hu mistenni li jissarraf fil-mili ta’ vakanzi fi żmien iqsar u riżorsi ta’ kwalità ogħla.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Uffiċċju għar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika l-PAHRO, l-Public Administration Collective Bargaining Unit il-PACBU għan-naħa tal-Gvern flimkien mal-General Workers’ Union u l-Union Ħaddiema Magħqudin.