Dalgħodu ngħata bidu għall-Ġimgħa tas-Servizz Pubbliku 2016 bil-konferenza annwali għal iktar minn mitejn u ħamsin uffiċjal pubbliku fit-tmexxija tas-Servizz Pubbliku fosthom Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi.
Matul il-konferenza s-Segretarju Permamenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar saħaq li s-sena d-dieħla se tkun is-sena li fiha s-Servizz Pubbliku se jkun iktar aċċessibbli, b’servizz erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, is-sena kollha.
Wara li s-sena li għaddiet bdejna nwettqu l-viżjoni tagħna;, dik ta’ deċiżjonijiet fil-ħin, b’inqas proċessi, it-twaqqif ta’ tliet ċentri għal servizz fil-qalba tal-komunità, servizzi governattivi aktar aċċessibbli, simplifikazzjoni ta’ numru ta’ proċessi, sħubija strateġika mal-Università ta’ Malta u l-MCAST, induction courses u l-introduzzjoni ta’ Direttiva numru 9, dik tad-delegazzjoni tal-awtorità, din is-sena se nibdew nikkonsolidaw il-viżjoni għas-Servizz Pubbliku, saħaq is-Segretarju Permamenti Ewlieni Cutajar.
Tkellem dwar one stop shop onlajn li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu aċċessati s-servizzi kollha tal-Gvern minn sit wieħed. Qal li din il-faċilità se tkun implimentata sas-sena d-dieħla. Għal dawk li jippreferu servizz wiċċ imb wiċċ, se jkunu qed jinfetħu tliet ċentri oħra ta’ servizz.gov.
Segretarju Permamenti Ewlieni Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku mhux biss se jkun servizz aktar fil-pront u ta’ kwalità iżda rridu nagħtu definizzjoni tal-kelma servizz. U dan billi nagħtu vuċi lill-klijent, infasslu politika u proċessi li jilħqu l-aspettattivi tan-nies, noffru servizz f’waqtu u ta’ livell għoli filwaqt li nkunu kontabbli tas-servizz li nagħtu.
Għal dan il-għan, se jittellgħu ġimgħat oħrajn iddedikati għas-Servizz Pubbliku biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ jisma’ lill-klijenti tiegħu filwaqt li jinstabu toroq oħrajn kif intejbu s-servizz.
Tkellem dwar is-sospensjoni tal-Performance Management Programme, il-programm li jkejjel il-prestazzjoni tal-uffiċjal pubbliku, u kif dan ġie sospiż biex minfloku tiġi introdotta sistema ġdida li tħares b’mod ħolistiku lejn l-individwu. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni ħabbar li mhuwiex biss l-individwu li se jkun imkejjel iżda se tibda tiġi mkejla wkoll il-prestazzjoni tad-dipartiment.
Din is-sena se titwettaq ukoll ir-riforma fl-ispezzjonijiet, saħaq is-Segretarju Permamenti Ewlieni Cutajar. Riforma oħra fir-regoli tal-procurement, jiġifieri x-xiri li jagħmel il-Gvern. Bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-ħidma kollha fis-Servizz Pubbliku, se jiġu introdotti wkoll sistemi ġodda fil-Ministeri li jissorveljaw il-kwalità, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni dwar is-servizz.
Dan kollu, saħaq Segretarju Permamenti Ewlieni Cutajar, biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ jkun ta’ servizz għan-nies u dan billi ninvestu fir-riżorsi umani fis-Servizz Pubbiku biex jitwettqu l-miri u l-pjani li għandna għas-Servizz Pubbliku.
Il-Ġimgħa tas-Servizz Pubbliku tkompli bil-Ġranet għall-Pubbliku fi tmiem din il-ġimgħa f’numru ta’ entitajiet governattivi, it-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-publikazzjoni ‘Miżuri ta’ Simplifikazzjoni’ kif ukoll konferenzi u attivitajiet oħra biex jirrikonoxxu ħidmet is-Servizz Pubbliku.
Aktar dettalji jinsabu f’www.publicservice.gov.mt