Dalgħodu ġiet varata Green Paper dwar servizzi governattivi bl-użu tal-mobile, magħrufa aħjar bħala Mobile Government. Id-dokument ġie varat mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar flimkien maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Informatika tal-Gvern il-MITA is-Sur Tony Sultana.
Il-Green Paper, li se tkun miftuħa għal proċess konsultattiv wiesa' fost is-setturi tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-amministrazzjoni pubblika, tfasslet fuq numru ta’ prinċipji li flimkien isawru l-viżjoni ta’ Servizz Pubbliku aċċessibbli erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, f’kull jum tas-sena.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li din il-Green Paper se tkun qed twassal għall-ħruġ ta’ strateġija lejn l-aħħar kwart ta’ din is-sena bil-għan li s-Servizz Pubbliku jkun iktar flessibbli fl-għoti tas-servizzi lill-pubbliku permezz tat-teknoloġija. Dan jinkludi fost l-oħrajn l-introduzzjoni ta’ mobile apps f’Marzu tas-sena d-dieħla. Qal ukoll li permezz tal-użu tat-teknoloġija, is-Servizz Pubbliku se jkun jista’ wkoll jindirizza aħjar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja tal-uffiċjali pubbliċi li jkunu jistgħu jaħdmu anke ’l bogħod mill-Uffiċċju.
Semma kif bl-introduzzjoni ta’ servizzi fil-mobile, l-Amministrazzjoni se tkun qed topera bi trasparenza akbar, hekk kif il-pubbliku jingħata l-opportunità wkoll li jipparteċipa b’mod aktar dirett fit-teħid ta’ deċiżjonijiet importanti li jaffettwaw il-ħajja tiegħu.
Ħeġġeġ biex ikun hemm parteċipazzjoni sħiħa mill-pubbliku f’din il-konsultazzjoni biex l-istrateġija tkun verament tirrifletti l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-MITA s-Sur Tony Sultana semma kif f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena l-MITA pparteċipat direttament fl-evoluzzjoni tas-servizzi u t-teknoloġiji li jipprovdi l-Gvern, filwaqt li kienet strumentali fl-introduzzjoni tas-servizzi pubbliċi elettroniċi permezz tal-programm eGovernment. Semma wkoll kif l-istatistika turi li matul is-sena li għaddiet, l-użu tal-internet minn fuq il-mobile kien kważi darba u nofs iktar milli kien minn fuq laptops u kompjuters u għalhek qal li l-pass li jmiss hu li nisfruttaw din is-sitwazzjoni ħalli l-Amministrazzjoni tkun tista’ tifrex is-servizzi pubbliċi u tilħaq l-aktar udjenza wiesa’ possibbli.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA qal li kien għalhekk li l-MITA qed tħejji strateġija dwar Servizzi Pubbliċi bl-użu tal-mobile. L-istrateġija tiġi varata fl-aħħar kwart ta’ din is-sena, ladarba jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni.