gov.mt

pr161278

PR161278

03/06/2016

STQARRIJA KONĠUNTA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U L-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Miżuri għal negozju eħfef f’Malta

Dipartimenti tal-Gvern u entitajiet pubbliċi ntrabtu li jħaffu ferm aktar il-proċess biex tiftaħ negozju f’Malta.  Dan sar permezz ta’ ffirmar ta’ ftehim li sar fi tmiem il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku bit-tema “Ninvestu fin-Nies”.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien preżenti għall-iffirmar, tkellem dwar ir-rapport tal-Bank Dinji Ease of Doing Business li huwa kejl u gradwatorja ta’ ekonomiji nazzjonali u li jiffaċilita il-ftuħ ta’ negozji fil-pajjiżi rispettivi. Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrefera għar-riżultati negattivi miksuba ripetutament minn Malta skont dan il-kejl. Qal li l-kuntrast bejn ekonomija lokali b’saħħitha u soda u l-klassifikazzjoni negattiva turi l-bżonn ta’ azzjoni aktar urġenti u drastika. L-effiċjenza tas-servizz pubbliku, id-dewmien kaġun tal-burokrazija żejda u ż-żamma ta’ proċeduri li ma jagħmlux sens qed jissarrfu f’dewmien u spejjeż żejda kemm għall-intrapriżi u anke għan-nies. Kien għalhekk li talab lis-Segretarju Permanenti Ewlieni u lill-Malta Enterprise biex joħorġu b’rapport ħalli f’sentejn is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

Il-Prim Ministru rrefera għal numru ta’ bidliet li saru fis-servizz pubbliku, fosthom l-ħolqien tal-one stop shops reġjonali u l-introduzzjoni tal-mystery shoppers biex jagħtu verdett fuq l-effiċċjenza tas-servizzi li jingħataw mid-diversi Dipartiment tal-Gvern. Fejn jidħol l-m-government l-introduzzjoni ta’ mobile apps f’Marzu tas-sena d-dieħla se jkunu qed jirrendu s-servizz aktar professjonali, bil-pubbliku jinqeda iktar malajr. Semma wkoll li l-pass li jmiss fejn tidħol teknoloġija huwa li persuna ddaħħal id-dettalji personali tagħha darba biss biex tirċievi servizzi governattivi, u mhux aktar minn darba skont id-Dipartiment li jkun qed jitlob it-tali informazzjoni. 

Qal li dak kollu li jista’ jitkejjel jista’ jiġi mtejjeb. Għalhekk l-introduzzjoni tal-kejl tad-Dipartimenti tal-Gvern, saħaq is-Sur Cutajar, biex is-Servizz Pubbliku jkun konxju ta’ dak li qed joffri u fejn jeħtieġ li jtejjeb. Tkellem ukoll dwar l-isforz li qed isir biex tonqos il-burokrazija żejda kif ukoll dwar il-moniteraġġ tal-miżuri kollha li qed jiddaħħlu. Temm jgħid li s-Servizz Pubbliku se jkompli jiġġedded biex joffri servizz ta’ kwalità aħjar kemm għall-uffiċjali pubbliċi nfushom kif ukoll għall-pubbliku.


 
​​