Dalgħodu ġiet varata strateġija għall-Belt Valletta mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar u miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar is-Sur Johann Buttigieg, li se tkun qed tagħti bidu għal konsultazzjoni pubblika ta’ sitt gimgħat. Waqt press briefing, is-Sur Cutajar spjega li l-għan ta’ din l-istrateġija hu li tindirizza l-isfidi tal-Belt b’mod aktar kordinat u koerenti biex il-Belt kapitali ta’ pajjiżna tkun waħda ħajja.
Qal li l-amminisrazzjoni kienet qed tirċievi ħafna proposti li jikkonċernaw il-Belt u kif il-pubbliku jixtieq li jaraha. Għalhekk numru ta’ entitajiet fosthom il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Valletta 2018, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fost l-oħrajn, ġabru dawn il-proposti fi pjan ta’ azzjoni wieħed wara li saret konsultazzjoni preliminari ma’ persuni minn setturi varji. Is-Sur Cutajar spjega li f’din l-istrateġija hemm inkorporat ukoll il-proposti li kienu ħarġu minn espressjoni ta’ ideat.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li fil-preżent hemm numru ta’ stakeholders ewlenin li l-ħidma tagħhom qed issir b’mod mhux kordinat. Għalhekk, qal is-Sur Cutajar, inħasset il-ħtieġa li nlaqqgħu l-entitajiet involuti madwar mejda u flimkien titfassal strateġija li tiġbor dan kollu fi pjan wieħed. Pjan fit-tul li l-enfażi tiegħu tkun li tagħti trattament denju lill-belt kapitali ta’ wirt dinji tal-UNESCO. Sostna li din l-istrateġija ser twassal għal riġenerazzjoni soċjali biex tinkoraġġixxi lin-nies jiġu joqogħdu fil-Belt, fl-ambitu tal-fatt illi llum il-ġurnata għandna Belt attiva fil-kummerċ, b’popolazzjoni li qiegħda tonqos u b’numru kbir ta’ proprjetà li hija mikrija jew abbandunata. Għaldaqstant, inħass il-bżonn li titnieda strateġija li twassal għal riġenerazzjoni soċjali għal benefiċċju tar-resident, tan-negozju u tal-pubbliku.
Is-Sur Cutajar ħabbar li din l-istrateġija qiegħda titpoġġa għall-konsultazzjoni pubblika għall-perjodu ta’ sitt ġimgħat biex il-pubbliku jaqsam l-ideat tiegħu dwar il-Belt Valletta. Waqt dawn is-sitt ġimgħat ser ikun hemm ukoll sensiela ta’ laqgħat mal-istakeholders ewlenin, għaqdiet u organizzazzjonijiet volontarji biex tiġi assigurata strateġija b’saħħitha.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar is-Sur Johann Buttigieg fisser din l-istrateġija bħala għodda li permezz tagħha se jkunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-Belt Valletta. Qal li l-istrateġija tikklassifika zoni differenti fil-Belt Valletta bil-għan li l-bżonnijiet ta’ kull żona jiġu indirizzati fl-ambitu ta’ strateġija waħda.
Spjega li din l-istrateġija hija abbozz, jiġifieri l-ideat li se jkunu qed jitressqu ’l quddiem ikunu jistgħu jiġu inkorporati fi istrateġija ħajja għal Belt kapitali ħajja.
L-istrateġija tinsab online fuq: konsultazzjoni.gov.mt