Wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fl-ispezzjonijiet tan-negozji, intgħażel il-mekkaniżmu li permezz tiegħu, dan ix-xahar, tibda l-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma. Il-mekkaniżmu magħżul wara r-rispons li ngħata huwa t-twaqqif ta’ uffiċċju ċentrali b’qafas legali li l-għan tiegħu hu li jikkordina u jiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-ispettorati.
Din l-għażla tagħmel parti minn White Paper li tnediet għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru li għadda u li ppreżentat tliet mekkaniżmi differenti għall-kunsiderazzjoni tal-pubbliku. L-ewwel li l-ispettorati jingħaqdu f’aġenzija waħda, it-tieni li l-ispettorati jingħaqdu f’numru ta’ aġenziji speċjalizzati skont il-qasam u t-tielet li l-ispettorati jibqgħu separati, iżda ssir koordinazzjoni ċentrali b’qafas legali, li jikkordina x-xogħol tal-ispettorati u jdaħħlu prattiċi ġodda fil-mod ta’ kif isiru l-ispezzjonijiet.
Mill-konsultazzjoni pubblika ħareġ li t-tielet mekkaniżmu kien l-iktar għażla li permezz tagħha tista’ tissokkta din ir-riforma. Matul l-istess proċess ta’ konsultazzjoni kien hemm qbil dwar it-twaqqif ta’ kriterji u sistema tal-informatika komuni, li permezz tagħhom titnaqqas il-burokrazija u l-piż amministrattiv fuq in-negozji.
Matul kull stadju ta’ implimentazzjoni, l-istakeholders se jkunu qed jiġu aġġornati bil-għan li jiġu assigurati l-effiċjenza u l-effettività fix-xogħol tal-ispettorati tagħhom.
Din ir-riforma, ikkoordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, se tkun qed twassal għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż imposti fuq l-investitur privat permezz ta’ proċeduri simplifikati li huma favur in-negozji. B’hekk jonqos ix-xkiel għan-negozji li min-naħa tagħhom ikunu f’pożizzjoni aħjar li jinvestu fi proġetti ġodda.