Għall-ewwel darba, l-Amministrazzjoni Pubblika nediet pubblikazzjoni bi tweġiba għar-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2014. Il-pubblikazzjoni Governance- Action on the NAO’s Annual Report 2014 tnediet dalgħodu mill-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.
Is-Sur Cutajar qal li dan id-dokument huwa turija ta’ kontabbiltà li qed timxi biha l-Amministrazzjoni Pubblika. Spjega li minn 259 rakkomandazzjoni li għamel l-Awditur Ġenerali intlaqgħu 241. Kull Ministeru elenka x’azzjoni ttieħdet jew qed tittieħed. Ingħataw ukoll raġunijiet fejn rakkomandazzjonijiet ma ntlaqgħux. Ewlenin fosthom għaliex x’uħud ma kinux konformi mal-policies stabbiliti fis-Servizz Pubbliku. L-azzjonijiet li ttieħdu mill-Ministeri rispettivi ġew ivverifikati mill-Uffiċċju tal-Awditjar Intern, l-IAID.
Is-Sur Cutajar qal li l-Amministrazzjoni Pubblika lesta li taħdem mal-Awditur Ġenerali biex flimkien itejbu s-sistemi eżistenti fis-Servizz Pubbliku.
Il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat qal li dan il-Gvern mhux se jħalli lill-Awditur Ġenerali jelenka l-istess nuqqasijiet sena wara l-oħra, kif kien jiġri f’amministrazzjonijiet preċedenti. “ L-Awditur Ġenerali jirrakkomanda u l-Gvern jaġixxi ”, qal Dr. Muscat.
B’dan il-mod in-nuqqasijiet ma jibqgħux biss fuq il-karta imma tittieħed azzjoni dwarhom. Dan qed isir b’mod trasparenti. Dr. Muscat qal li dan id-dokument jagħmel parti minn diversi miżuri oħra li daħħal il-Gvern ta’ Governanza Tajba.
Id-dokument imniedi dalgħodu se jkun ippreżentat lill-Awditur Ġenerali nhar it-Tnejn li ġej.