gov.mt

pr161008

PR161008

09/05/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Titnieda t-tieni Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

 
Is-Servizz Pubbliku qed iniedi t-tieni Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku bit-tema ‘Ninvestu fin-Nies’, imtella’ bejn is-27 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju 2016. Matul din il-ġimgħa, li hi mmirata għall-pubbliku, se jiġu organizzati sensiela ta’ laqgħat bil-għan li l-Amministrazzjoni tisma’ dwar l-aspirazzjonijiet tan-nies għas-Servizz Pubbliku.

Din il-ġimgħa se tibda b’konferenza għall-uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku, b’kelliema barranin jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’dan ir-rigward u dwar servizzi tal-Gvern online u e-Government. L-għada s-Sibt, l-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika tal-Gvern, il-MITA se torganizza konsultazzjoni pubblika għall-istudenti u għall-pubbliku in ġenerali dwar l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet tal-mowbajl fejn jidħlu servizzi governattivi. Il-pubbliku se jkun jista’ jikkontribwixxi f’workshops imtellgħin wara nofsinhar fil-MITA Data Centre f’Santa Venera.

Mit-Tnejn sal-Ħamis se jittellgħu numru ta’ laqgħat mal-pubbliku bit-tema ‘Ninvestu fin-Nies – Laqgħat mal-Klijenti’. Dawn huma mmirati speċifikament għall-pubbliku u b’dan il-mod is-Servizz Pubbliku se jkun jista’ jisma’ mingħand iċ-ċittadin x’jixtieq jara fis-servizzi li jirċievi. Fost l-oħrajn se jiġu diskussi temi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, affarijiet tal-konsumatur, kummerċ, turiżmu, kuntratti tal-Gvern, kultura u servizzi soċjali.

L-għada l-Ġimgħa, l-entitajiet pubbliċi se jieħdu sehem f’seminar biex ikunu informati dwar dak li hu għaddej fis-Servizz Pubbliku, fosthom dwar direttivi u policies li jolqtu direttament lill-entitajiet pubbliċi. 

Din il-ġimgħa tiġi fi tmiemha b’kunċert imtella’ mill-Orkestra Filmarmonika ta’ Malta fi Pjazza Kastilja flimkien mad-duo akustiku Xarulú fit-20:30. 

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn publicservice.gov.mt