Illum is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar ippreżenta l-pubblikazzjoni Governance – Action on the NAO’s Annual Report 2014 lill-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara u lid-Deputat Awditur Ġenerali s-Sur Noel Camilleri.
Din il-pubblikazzjoni, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, bi tweġiba għar-rapport annwali dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2014, kien deskritt mill-Awditur Ġenerali bħala pass fid-direzzjoni t-tajba għaliex l-azzjonijiet li qed tieħu l-amministrazzjoni fil-konfront tar-rakkomandazzjonijiet li ressaq NAO, qed jiġu rrekordjati.
L-Awditur Ġenerali qal li dan l-eżerċizzju jagħti valur akbar lill-ħidmet NAO li l-għan ewlieni tiegħu hu li jippromwovi t-trasparenza u l-kontabbilità fis-Servizz Pubbliku. Iż-żewġ naħat qablu li se jkunu qegħdin jaħdmu qrib xulxin aktar milli kontra xulxin. B’hekk tiġi assigurata l-kontabbilità tas-Servizz Pubbliku u l-fondi pubbliċi.
Dwar il-konformità mar-regoli stabbiliti fis-Servizz Pubbliku, is-Sur Cutajar qal li se jkun qed isir it-tibdil meħtieġ biex il-liġijiet ikunu aktar prattiċi u jkunu jirriflettu ż-żmien li ngħixu fih. Kemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni kif ukoll l-Awditur Ġenerali qalu li ż-żewġ istituzzjonijiet se jkunu qed jikkoperaw flimkien għall-ġid tas-Servizz Pubbliku , fl-aħjar interess taċ-ċittadini tagħna.