Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR161070

PR161070

16/05/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Is-Servizz Pubbliku jiltaqa’ mal-klijenti tiegħu għall-ewwel darba

Bħala parti mit-tiġdid li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku, fil-ġranet li ġejjin se jkunu qed jittellgħu sensiela ta’ laqgħat biex iċ-ċittadin ikun jista’ jaqsam il-ħsibijiet tiegħu dwar is-servizzi governattivi offruti.

 Din hija l-ewwel darba li qed jiġu organizzati laqgħat ta’ dan it-tip bl-għan ewlieni jkun li s-Servizz Pubbliku jisma’ direttament mingħand il-pubbliku stess dwar x’jixtieq li jara fis-servizzi li jirċievi biex dawn jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-benefiċċjarji. Dawn il-laqgħat flimkien se jiffurmaw il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku li se tkun qed issir bejn il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju u l-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju.

Il-laqgħat mifruxin fuq erbat ijiem se jittellgħu bejn it-30 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju bit-temi diskussa jkunu dawn: affarijiet tal-konsumatur, edukazzjoni, saħħa, kummerċ, turiżmu, kultura, sigurtà soċjali u kuntratti tal-Gvern.

Għall-ewwel darba wkoll se tittella’ laqgħa oħra li se tkun qed tlaqqa’ lill-Maġistrati, il-ħaddiema soċjali, l-uffiċjali tal-Pulizija, uffiċjali pubbliċi u professjonisti oħra li b’xi mod jew ieħor imissu ma’ proċessi tal-Qorti fil-konfront tal-vittmi u l-akkużati. Din il-laqgħa se tkun biss il-bidu għall-bidliet necessarji f’dan il-qasam biex is-servizz ikun wieħed ta’ kwalità.

Kuljum se jsiru żewġ laqgħat li jittrattaw temi differenti, waħda f’Forti Sant’Iermu u l-oħra f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bejn is-18:00 u s-19:30.

Aktar dettalji dwar l-attivitajiet kollha marbuta mal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku jinsabu fuq www.publicservice.gov.mt

Postijiet jistgħu jiġu riservati fuq 22001526.