Is-Servizz Pubbliku jrid iwassal is-servizz li l-poplu jaspiraDalgħodu ngħata bidu għat-tieni Ġimgħa għas-Servizz għas-Servizz Pubbliku 2016 b’konferenza għal iktar minn mitejn u ħamsin uffiċjal pubbliku fit-tmexxija tas-Servizz Pubbliku fosthom Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar enfasizza li s-Servizz Pubbliku jrid iwassal is-servizz li l-poplu jaspira. Qal li biex dan iseħħ is-Servizz Pubbliku se jkompli jiġġedded tant li l-ġimgħa d-dieħla se jiġi ffirmat ftehim mal-Estonja biex jinfetħu l-bibien għal koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi b’mod partikolari fejn jidħol taħriġ. L-Estonja, qal is-Sur Cutajar, jeċċella fl-għoti ta’ servizzi tal-Gvern online. B’dan il-ftehim, is-Servizz Pubbliku se jkun qed isaħħaħ il-viżjoni tiegħu ta’ Gvern 24/7, viżjoni li ġiet varata f’Jannar li għadda, spjega s-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Pajjiż ieħor li jeċċella fl-għoti ta’ servizzi governattivi huwa Singapore, liema esperjenza ġiet spjegata waqt il-konferenza ta’ dalgħodu. Is-Sur Cutajar qal li anke ma’ dan il-pajjiż hemm relazzjonijiet tajbin, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu korsijiet ta’ taħriġ li jwasslu għall-għoti ta’ servizz ta’ kwalità.
Hawnhekk tkellem dwar l-erba’ pilastri tal-kwalità, jiġifieri l-vuċi lill-klijent, id-disinn ta’ policies li jilħqu lill-klijent, is-servizz komplut u l-kontabilità. Qal li s-Servizz Pubbliku kollu, mis-Segretarji Permanenti sad-Diretturi Ġenerali u d-Diretturi li lilhom jiġi delegat ix-xogħol, għaddej bi sforz konġunt biex dan it-tiġdid iseħħ.
Għall-ewwel darba, spjega s-Sur Cutajar, il-maġistratura ltaqgħet mas-social workers, il-Pulizija, uffiċjali pubbliċi u professjonisti oħra li b’xi mod jew ieħor imissu ma’ proċessi tal-Qorti fil-konfront tal-vittmi u l-akkużati. U għall-ewwel darba wkoll, l-aġenzija tal-informatika tal-Gvern il-MITA se tkun qed tiddiskuti Green Paper dwar servizzi tal-Gvern online.
Fi tmiem il-konferenza, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar indirizza lill-mezzi tax-xandir fejn ta spjega tal-attivitajiet li se jittellgħu fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku. Ewlenin fosthom il-laqgħat għall-klijenti tas-Servizz Pubbliku, jiġifieri ċ-ċittadini li jirċievu servizzi governattivi. Spjega li matul dawn il-laqgħat, li se jitrattaw fost l-oħrajn l-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali, is-Servizz Pubbliku se jkun qed jisma’ l-aspirazzjonijiet tal-pubbliku li mbagħad jiġu inkorporati f’policies tas-Servizz Pubbliku.
Is-Sur Cutajar qal ukoll li din il-Ġimgħa se tiġi fi tmiemha b’kunċert fi Pjazza San Ġorġ. Qal li minħabba attività oħra fl-inħawi ta’ Pjazza Kastilja, il-kunċert f’għeluq din il-ġimgħa kellu jiġi organizzat fi Pjazza oħra.
Hawnhekk tkellem dwar il-bżonn ta’ kalendarju wieħed ta’ attivitajiet kulturali u ħabbar li waħda mill-mobile apps li se jitniedu f’Marzu tas-sena d-dieħla se tkun mobile app b’kalendarju t’attivitajiet kulturali.
Min-naħa tiegħu l-Maestro Sigmund Mifsud, li huwa ċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta qal li hekk kif ġie deċiż li l-kunċert jiġi trasferit għal Pjazza San Ġorġ, ġie deċiż ukoll li jkun hemm postijiet bilqiegħda li jimtlew minn min jiġi l-ewwel. Ħabbar li l-kunċert se jkun ippreżentat mill-preżentatriċi u ġurnalista Norma Saliba filwaqt li l-kantanta Dorothy Bezzina se tkun qed takkumpanja l-Orkestra.
Fakkar li l-kunċert, li d-dħul għalih huwa b’xejn, se jsir fit-3 ta’ Ġunju u jibda fit-8:30 ta’ filgħaxija.