gov.mt

pr161224

PR161224

30/05/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI L-ewwel konsultazzjoni pubblika dwar Mobile Government

Fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku bdiet konsultazzjoni pubblika dwar mezzi ġodda ta’ kif il-Gvern jista’ joffri s-servizz tiegħu liċ-ċittadin. Dan permezz tal-użu ta’ mobile apps li permezz tagħhom iċ-ċittadin ikollu aċċess għas-servizzi tal-Gvern erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Il-konsultazzjoni, organizzata mill-Agenzija tal-Informatika tal-Gvern il-MITA, rat il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ studenti minn organizzazzjonijiet varji fosthom milll-oqsma tas-saħħa, l-inġinerija, it-teknoloġija tal-informatika u l-media. Matul żewġ workshops li ġew organizzati biex tiġi spjegata l-istrateġija tal-Gvern għal Mobile Government, il-MITA analizzat il-preferenzi tal-istudenti li wrew tendenza li jippreferu jagħmlu użu minn mobile apps biex jikkomunikaw mal-Gvern għal servizz li jiġu bżonn.

It-tieni workshop li sar għall-pubbliku u numru ta’ għaqdiet mhux governattivi, analizza kif permezz tal-użu tat-teknoloġija, b’mod partikolari ta’ mobile phone, il-komunikazzjoni bejn il-Gvern u ċ-ċittadini tista’ titjieb filwaqt li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Gvern. Kemm il-pubbliku kif ukoll l-għaqdiet mhux governattivi, ukoll urew preferenzi għall-użu ta’ servizzi governattivi minn fuq mobile phones.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ għaddej bil-għan li tiġi varata strateġija dwar Mobile Government għal pajjiżna. Din il-gimgħa se jsiru numru ta’ laqgħat mal-pubbliku fejn fost l-oħrajn se jiġu diskussi s-servizzi mogħtija lill-pubbliku u kif is-Servizz Pubbliku jkompli jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.