gov.mt

pr161235

PR161235

31/05/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Maqbula t-triq ’il quddiem għal ħidma u koperazzjoni akbar fost dawk li jaħdmu u jużaw is-servizzi tal-Qrati

 
Għall-ewwel darba, matul laqgħa interna ta’ diskussjoni li ġabet flimkien stakeholders differenti li jaħdmu u jużaw is-servizzi tal-Qrati kif ukoll jagħtu servizz lill-istess Qrati tal-Ġustizzja, ġie maqbul li din il-laqgħa għandha sservi bħala tqegħid tal-pedamenti għall-laqgħat aktar frekwenti u futuri.
 
Matul din il-laqgħa, li saret fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, ġiet diskussa wkoll, fost ir-rappreżentanti governattivi, l-urġenza li jitwaqqaf working group li bih ikun jista’ jissorvelja u jieħu azzjoni meta drogi sintetiċi ġodda jidħlu f’pajjiżna biex dawn jiġu elenkati b’effett immedjat taħt Kapitolu 101 – Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi.
 
Ġie maqbul ukoll li laqgħat oħra simili jsiru b’mod frekwenti u fihom jiġu diskussi l-operat kif ukoll pjanijiet strateġiċi ta’ kif jista’ jkun hemm kuxjenza akbar tas-servizzi provduti. Fl-aħħarnett, ġie rakkommandat ukoll li jkun hemm mekkaniżmu li bih l-informazzjoni bejn il-partijiet tiġi mqassma u ddisseminata in real time.
 
Il-laqgħa, li trattat ukoll il-ħtieġa li l-vittma tkun imħarsa, kienet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar u mmexxija mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali s-Sinjura Paulanne Mamo.
 
L-istakeholders kienu rappreżentanti tal-Membri tal-Ġudikatura, kif ukoll rappreżentanti governattivi varji fosthom mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, fosthom il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Aġenzija APPOĠĠ u Aġenzija SEDQA, il-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, fosthom id-Dipartiment tal-Probation u Parole u l-Korp tal-Pulizija, kif ukoll il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, fosthom Social Workers u College Counsellors.
​​​​