gov.mt

pr162436

PR162436

03/11/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI - Tiġdid f’diversi oqsma tas-Servizz Pubbliku

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, illum indirizza lill-ġurnalisti dwar il-miżuri ta’ tiġdid li qed jittieħdu f’diversi oqsma tas-Servizz Pubbliku. Fost dawn hemm ir-riforma fix-xiri pubbliku, is-simplifikazzjoni tar-regolamenti tal-finanzi, it-tqassir u s-simplifikazzjoni tal-PSMC, u miżuri oħra bl-għan li tkompli titjieb il-kwalità tas-servizz mogħti – anke permezz tal-introduzzjoni tal-mystery shopper għas-Servizz Pubbliku.
 
Is-Sur Cutajar fakkar kif f’dawn l-aħħar sentejn ittieħdu diversi passi biex titnaqqas il-burokrazija fis-Servizz Pubbliku filwaqt li l-kontabilità tibqa’ fuq nett tal-aġenda. Fakkar ukoll kif għall-ewwel darba, minn din is-sena r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar it-tħaddim tal-finanzi ma baqax jitħalla fuq l-ixkaffa iżda twettqu diversi rakkomandazzjonijiet minnu u fil-ftit ċirkostanzi fejn ma kienx hemm qbil, ingħatat ġustifikazzjoni għal dan.
 
Barra minn hekk, twaqqaf working group bejn l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju ts-Segretarju Permanenti Ewlieni biex jiġi stabbilit jekk ċerti regolamenti finanzjarji għaddiex żmienhom u għandhomx jiġu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum. Fost dawn ir-regolamenti hemm dawk li jittrattaw it-trasport u l-immaniġġar tal-vetturi; il-petty cash; l-inventarju; is-safar tal-uffiċjali pubbliċi; u t-tħaddim tal-finanzi. F’dawn l-oqsma kollha, bi ftehim mal-Awditur Ġenerali, se ssir riforma biex ir-regolamenti jiġu aġġornati maż-żminijiet tal-lum.
 
Dwar ix-xiri pubbliku, is-Sur Cutajar qal li l-uffiċċju tiegħu qed jaħdem id f’id mad-Dipartiment tal-Kuntratti biex jitwettqu diversi riformi. L-ewwel nett, ittieħdu passi biex ix-xiri pubbliku jkun aċċessibbli għal aktar nies u negozji. F’dan ir-rigward, twessgħu l-kriterji fejn jidħlu kwalifiki u esperjenza, tneħħa l-bżonn ta’ garanzija bankarja għal tenders sa nofs miljun ewro, filwaqt li l-bid bond tnaqqset minn 10% għal 4%. Ingħata wkoll taħriġ dwar l-użu ta’ sistema elettronika (EPPS) biex wieħed japplika għal tender, filwaqt li ġiet adottata l-prattika li dawk li jitfgħu l-offerti jikkompetu bil-kwalità aktar milli bil-prezz.
 
Ġiet introdotta wkoll sistema ta’ punti u vetting biex ikun assigurat li t-tenders jagħtu riżultati ta’ xogħol tajjeb u fil-ħin.
 
Is-Sur Cutajar semma kif twettqu wkoll bidliet fejn jidħol ix-xiri tal-Gvern, fosthom b’deċentralizzazzjoni li permezz tagħha d-Dipartiment tal-Kuntratti ħa r-rwol ta’ regolatur aktar milli operatur. Dan il-kunċett beda jiġi attwat permezz ta’ proġett pilota fi tliet Ministeri.
 
Proġett pilota ieħor kien dak fejn tnaqqset drastikament il-burokrazija biex wieħed jiftaħ negozju f’pajjiżna. Hawnhekk il-formoli naqsu għal waħda mit-22 li kien hemm qabel, filwaqt li ż-żmien ta’ stennija minn 28 jum tnaqqas għal real time jew massimu ta’ erbat ijiem. Dan minbarra t-tneħħija ta’ għadd kbir ta’ liċenzji tan-negozju. Il-pass li jmiss huwa l-ħolqien ta’ one-stop shop għall-intrapriża, fejn in-negozjant ikun moqdi f’kull aspett taħt saqaf wieħed.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni tkellem ukoll dwar it-tnaqqis fl-ispezzjonijiet li jsiru lil negozji żgħar. Bis-sistema l-antika, kienu jsiru mat-72,000 spezzjoni fis-sena, bi skariġġ u skumdità għal dawk kollha involuti. Wara konsultazzjonijiet, bdiet ħidma biex dawn l-ispezzjonijiet ikunu kordinati aħjar u b’hekk jiġi ffrankat ħafna ħin filwaqt li jingħata aktar valur għall-flus fis-servizz mogħti.
 
Is-Sur Cutajar semma kif illum ġiet ippubblikata l-verżjoni l-ġdida – simplifikata u mqassra b’25% - tal-Public Service Management Code (PSMC). Dan ġie mnaddaf minn dak kollu li m’għadux jgħodd għaż-żminijiet tal-lum, minn ċerti teknikalitajiet li kien fih, u mill-ambigwità li kapitlu kien imieri lil ieħor.
 
Filwaqt li tkellem ukoll dwar miżuri oħra ta’ tiġdid fis-Servizz Pubbliku – bħall-fatt li l-PAHRO ġie sostitwit mill-People and Standards Division – is-Sur Cutajar semma kif minn dan ix-xahar fis-Servizz Pubbliku ġie introdott il-mystery shopper biex ikun assigurat servizz ta’ kwalità. Is-Sur Cutajar spjega li l-mystery shoppers se jduru d-dipartimenti tal-Gvern biex b’hekk ikun magħruf fejn u kif is-servizz jista’ jitjieb. Ma’ kull rapport li jsir, il-kap tad-dipartiment konċernat se jingħata żmien speċifiku biex jirranġa n-nuqqas li jkun hemm.
 
Il-ġurnalisti kienu indirizzati wkoll minn Anthony Cachia, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti; Joyce Dimech, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni; u Dr Joyce Cassar, id-Direttur Ġenerali tal-People and Standards Division.