gov.mt

pr162611

PR162611

21/11/2016

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Varata l-istrateġija għal servizzi tal-Gvern fuq il-mowbajl

​Illum ġiet varata l-istrateġija għal servizzi tal-Gvern fuq il-mowbajl, li permezz tagħha dawn is-servizzi se jkunu aċċessibbli mill-mowbajl 24 siegħa kuljum minn kullimkien. Din l-istrateġija hija parti mit-tiġdid li qed iseħħ fis-Servizz Pubbliku, fejn qed tonqos il-burokrazija żejda, jitħaffu l-proċessi u titjieb il-kwalità tas-servizz mogħti.
 
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, spjega li din l-istrateġija se tkun mifruxa fuq sentejn, li jintemmu f’Diċembru tal-2018. Fl-ewwel fażi tal-istrateġija, tnedew 17-il mobile app li minn din il-ġimgħa stess se jibdew jiġu ttestjati minn 23 focus group. Dawn se jagħtu l-kummenti tagħhom dwar kemm l-apps huma utli u faċli biex jintużaw. Wara li jiġi analizzati dawn il-kummenti, f’Marzu li ġej il-mobile apps ikunu jistgħu jitnedew uffiċjalment għal użu aktar wiesa’ mill-pubbliku ġenerali.
 
Is-Sur Cutajar qal li din l-istrateġija se ġġib magħha bidliet li bilfors iridu jsiru fid-dipartimenti tal-Gvern. Xi wħud jaraw dawn il-bidliet bħala sfidi iżda fil-fatt huma opportunitajiet biex is-servizzi tal-Gvern jitwasslu għand iċ-ċittadin b’mod aktar effiċjenti u malajr.
 
Is-Segretarju Parlamentari Ewlieni spjega li pass ieħor f’din id-direzzjoni huwa l-introduzzjoni tal-Key Performance Indicators (KPIs) fis-Servizz Pubbliku. Tfasslu aktar minn 40 KPI mifruxin fil-Ministeri kollha, u fuqhom diġà twaqqfu mat-12-il working group interministerjali. Din hija opportunità biex id-dipartimenti fi ħdan is-Servizz Pubbliku ma jibqgħux jaħdmu indipendentement minn xulxin iżda minn data gatherers jinbidlu f’data managers.
 
Is-Sur Cutajar qal li l-pass li jmiss ikun il-Once Only Principle, fejn iċ-ċittadin jagħti lill-Gvern l-informazzjoni dwaru nnifsu darba waħda biss.
 
Huwa saħaq li rridu naslu għal Servizz Pubbliku aħjar milli hu llum, u ċ-ċavetta biex dan iseħħ hija t-teknoloġija. Madankollu, dawk li mhumiex komdi mat-teknoloġija ma ġewx minsijin. Tant hu hekk li fil-ġimgħat li se ġejjin se jinfetħu aktar one-stop-shops fejn 250 servizz tal-Gvern huma offruti fil-qalba tal-komunità.
 
Il-prinċipju wara dan kollu hu li s-servizzi tal-Gvern ma jiġrix warajhom iċ-ċittadin, iżda jiġu ppreżentati lilu b’aċċess faċli kemm teknoloġikament kif ukoll fil-komunità, temm jgħid is-Sur Cutajar.
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-MITA, is-Sur Tony Sultana, għamel preżentazzjoni dwar l-għanijiet tal-istrateġija għal servizzi tal-Gvern fuq il-mowbajl. Huwa spjega li strateġiji oħra normalment ikunu mifruxin fuq erba’ snin iżda fil-qasam tal-mobile apps tant qed isir progress mgħaġġel li perjodu ta’ sentejn ikun aktar xieraq.
 
Is-Sur Sultana żied jgħid li l-istrateġija hija mibnija fuq 11-il prinċipju. Ewlenin fosthom hemm aktar aċċess għas-servizzi tal-Gvern; li l-Gvern idur madwar iċ-ċittadin u mhux bil-maqlub; is-simplifikazzjoni tal-proċessi; mobile apps li huma faċli biex jintużaw; kollaborazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Gvern biex jipprovdu l-istess informazzjoni fuq app waħda; u li ċ-ċittadini jkunu konxji tal-apps u jkollhom fiduċja fihom biex jużawhom.
 
Iċ-Ċermen tal-MITA qal li l-istrateġija se jkollha tliet fażijiet: dik li bdiet illum u li se twassal għat-tnedija tal-mobile apps għall-użu tal-pubbliku ġenerali f’Marzu li ġej; dik li li twassal għat-tnedija ta’ aktar apps f’Marzu tal-2018;  u l-aħħar fażi li twassal biex f’Diċembru tal-2018 l-apps ma jkunux qed jintużaw biss mill-pubbliku ġenerali iżda wkoll mill-uffiċjali pubbliċi. Filwaqt li l-ewwel fażi se tkun iffokata fuq il-komunikazzjoni, it-tieni waħda se tikkonċentra aktar fuq it-tranżazzjonijiet.