Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR162698

PR162698

29/11/2016

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: L-Amministrazzjoni Pubblika tilqa’ r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika

​Hekk kif illejla tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-Kontijiet Pubbliċi għas-sena 2015, l-Amministrazzjoni Pubblika laqgħet dan ir-rapport u wriet ir-rieda tagħha li tkompli ttejjeb l-operat tagħha.
 
Mis-sena li għaddiet, għall-ewwel darba, l-Amministrazzjoni Pubblika imbarkat fuq eżerċizzju intern li permezz tiegħu tieħu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jkun għamel l-Awditur Ġenerali fejn jidħlu kontijiet pubbliċi. Ir-rakkomandazzjonijiet jiġu mixtarra minn grupp ta’ ħidma mwaqqaf apposta li jindika liema rakkomandazzjonijiet qed jintlaqgħu filwaqt li jagħti raġuni għal dawk li ma jintlaqgħux. L-azzjonijiet li jittieħdu jiġu verifikati mill-Uffiċċju tal-Awditjar Intern, l-IAID, u jinġabru f’pubblikazzjoni waħda li telenka l-azzjonijiet kollha li jkunu ttieħdu.
 
Matul is-sena l-grupp ta’ ħidma jkun qed jara wkoll li l-azzjonijiet li jkunu għadhom se jittieħdu mill-ministeri diversi fil-fatt jittieħdu, filwaqt li jissorvelja l-implimentazzjoni kontinwa tagħhom.
 
Dan l-eżerċizzju estensiv se jerġa’ jirrepeti ruħu din is-sena biex fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla tiġi ppubblikata r-reazzjoni uffiċjali tal-Amministrazzjoni Pubblika. B’hekk ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni ma jkunux tħallew fuq l-ixkaffa imma jiġu kkunsidrati u implimentati għal Amministrazzjoni Pubblika aktar kontabbli u trasparenti.