Fl-Aula Magna tal-Università l-Qadima,
il-Belt Valletta, dalgħodu sar l-iffirmar
tal-ftehim għat-twaqqif tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. L-Istitut, li
twaqqaf permezz ta’ public-private partnership bejn is-Servizz Pubbliku,
l-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija se jkun
qed jipprovdi t-taħriġ u l-iżvilupp strateġiku li jeħtieġ is-Servizz Pubbliku.
Dan
il-ftehim ġie ffirmat waqt ċerimonja ta’ gradwazzjoni, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, ta’ madwar mitejn uffiċjal pubbliku li temmew b’suċċess
korsijiet akkreditati maħsuba biex itejbu l-għarfien u
l-effiċjenza tagħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-korsijiet li segwew dawn
l-uffiċjali pubbliċi kienu dawk tal-Public Management
Toolkit,
li jsaħħaħ il-ħiliet ta’ dawk l-uffiċjali pubbliċi
fit-tmexxija tas-Servizz Pubbliku, Strategic Change Management Award, li l-għan tiegħu hu li jsaħħaħ l-abilitajiet ta’ uffiċjali
pubbliċi biex iġibu bidla fit-tmexxija fis-Servizz Pubbliku, Executive
Leadership Award,
li jipprepara uffiċjali pubbliċi għal tmexxija strateġika
fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll il-Foundation Course in Customer Care, u l-Advanced Course in Customer Care.
F’diskors li għamel wara li qassam
iċ-ċerifikati lil dawk li ggradwaw, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar tkellem dwar l-importanza tat-taħriġ u l-iżvilupp stateġiku
tal-uffiċjali pubbliċi, u kif permezz ta’ dan il-PPP it-tliet istituzzjonijiet
se jingħaqdu f’Istitut wieħed li jħares lejn l-uffiċjal pubbliku fit-totalità
tiegħu. Qal li wara l-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-MCAST
is-sena li għaddiet f’dawk li huma korsijiet ġodda, bħal fost l-oħrajn MBA u
Masters fl-Amministrazzjoni Pubblika, il-pass li jmiss kien it-twaqqif ta’ dan
l-Istitut.
Cutajar qal
li s-Servizz Pubbliku għamel passi kbar ‘il quddiem. Qal li b’miżuri ċari li
ddaħħlu tul dawn l-aħħar snin issaħħet il-kontabilità. Semma n-numru ta’
pubblikazzjonijiet li qed joħorġu, fosthom l-implimentazzjoni tal-Budget
u r-risposta tas-Servizz Pubbliku lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, u qal
li dawn huma xhieda ċara tal-kontabilità u t-trasparenza fil-ħidma tas-Servizz
Pubbliku.
Is-Segretarju
Permanenti Ewlieni tkellem ukoll dwar l-introduzzjoni tal-Key Performance
Indicators (KPI) f’kull qasam tas-Servizz Pubbliku, bit-tfassil ta’ miri
ċari li jridu jintlaħqu, u b’dati fissi sa meta dawn il-miri jridu jintlaħqu. Dan
bil-għan li s-Servizz Pubbliku jkompli jiġġedded u dejjem jagħti servizz ta’
kwalità aħjar.
Min-naħa
tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem fuq il-ħtieġa li s-Servizz
Pubbliku jkompli jiġġedded u jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies. Qal li f’dawn
l-aħħar tliet snin saru passi kbar ‘il quddiem f’din id-direzzjoni, u dan qed
jinħass ukoll mill-klijenti tas-Servizz Pubbliku. L-Istitut li twaqqaf illum hu
wkoll parti minn dawn l-avvanzi, u se jinħasad il-frott tiegħu fil-ġejjieni
qrib.
Il-Prim
Ministru żied jgħid li l-politiċi huma għasafar tal-passa, iżda s-Servizz
Pubbliku u n-nies tiegħu jibqgħu; huma tal-post. Huwa qabbel is-Servizz
Pubbliku ma’ magna ta’ karozza u qal li l-politiku jieħu d-deċiżjonijiet iżda
meta jagħfas il-gass irid ikun hemm magna li tiflaħ għalih. Huwa għalhekk li
qed isir investiment tant kbir fis-Servizz Pubbliku – biex jaħdem dejjem
b’aktar effiċjenza.
Il-Prim
Ministru Muscat fakkar fil-miżuri li ġew introdotti għal aktar kontabilità
fis-Servizz Pubbliku, fosthom dak li jkun magħruf u ppubblikat eżattament kemm
mill-miżuri mħabbra fil-Budget jiġu implimentati. Semma' l-Key
Performance Indicators u l-proġett pilota maħsub biex inaqqas
il-burokrazija fit-twaqqif ta’ negozji ġodda. Huwa saħaq li dan hu l-futur
tas-Servizz Pubbliku – li jkun hemm miri ċari li jidhru ambizzjużi iżda li huma
realistiċi ħafna.
Dawk
preżenti kienu indirizzati wkoll mir-Rettur tal-Università ta’ Malta
il-Professur Alfred Vella, kif ukoll mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi
tal-MCAST Dr Silvio de Bono, li flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni
ffirmaw il-ftehim li waqqaf l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.