Illum is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn ippreżena d-dokument “It-Twettiq tal-Baġit 2016”, li jagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-Baġit għal din is-sena.
Id-dokument juri li din is-sena twettqu 80 miżura aktar meta mqabbel ma’ dawk imwettqa fl-2014, u 52 miżura aktar meta mqabbel ma’ dawk implimentati fl-2015. B’hekk din is-sena se jkunu twettqu 73% tal-miżuri, li jinkludu wkoll dawk il-miżuri li se jiġu implimentati sal-aħħar tas-sena. Dan il-persentaġġ jinkludi wkoll għadd ta’ miżuri li l-implimentazzjoni tagħhom hija mifruxa fuq numru ta’ snin; madanakollu din is-sena segwew il-pjan kif imfassal fil-bidu tas-sena.
Mario Cutajar qal li dan id-dokument huwa xhieda ta’ kontabilità u manifestazzjoni ta’ dak li s-Servizz Pubbliku rnexxielu jwettaq minn dak li ppjana, mhux biss mil-lat ta’ miżuri finanzjarji iżda wkoll miżuri biex il-poplu jgħix aħjar. Filwaqt li semma’ kif din hija t-tielet sena konsekuttiva li tħejja dan id-dokument, fakkar li kull xahar isir moniteraġġ biex ikun żgurat li l-proċess tat-twettiq tal-miżuri jkun miexi kif ippjanat.
Huwa spjega li l-miżuri ma jitwettqux fit-totalità tagħhom għax uħud minnhom ma jeħdux sena biss biex jiġu implimentati, u għalhekk jinġarru minn sena għal oħra. Madanakollu l-ebda miżura ma tintilef jew titħalla fuq l-ixkaffa.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Cutajar żied jgħid li l-ippjanar li qed isir qed jagħti l-frott mixtieq. Dan jixhdu l-fatt li filwaqt li fl-2014 il-Baġit kien fih 236 miżura, illum qed nitkellmu fuq 368 miżura—għax meta wieħed jara li l-magna qed taħdem kif suppost, jgħabbi aktar fuqha. Iż-żieda fin-numru ta’ miżuri tindika wkoll li l-polz tal-poplu qed jinħass u l-aspirazzjonijiet tiegħu qegħdin jintlaħqu.
Mario Cutajar semma’ diversi miżuri li twettqu matul din l-aħħar sena, fosthom it-tneħħija ta’ mediċini out of stock, ir-riformi ġudizzjarji, iż-żieda fil-pensjonijiet, it-tnaqqis fil-ħin ta’ stennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, it-tnaqqis fl-istennija għall-operazzjonijiet, ir-riforma tal-ekokontribuzzjoni, ir-restawr taċ-Ċittadella, ix-xogħlijiet li saru fil-Belt Valletta, u t-tqassim tat-tablets fl-iskejjel. Dawn huma kollha miżuri li ġew implimentati u li jagħtu bixra aħjar lill-ħajja tan-nies, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni Cutajar.
Huwa fakkar li l-ktieb li ġie ppreżentat illum huwa wieħed minn tliet pubblikazzjonijiet li bdew joħorġu mis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar tliet snin. Iż-żewġ pubblikazzjonijiet l-oħra huma dak dwar is-simplifikazzjoni tal-burokrazija, u t-tweġiba għar-rapport tal-Awditur Ġenerali. Cutajar semma’ kif twaqqaf working group bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jiġu analizzati regoli arkajċi li baqgħu fis-seħħ ħalli jiġu aġġornati maż-żminijiet.
Semma’ wkoll kif il-Public Service Management Code (PSMC), li kien voluminuż ħafna, din il-ġimgħa se toħroġ il-verżjoni mqassra tiegħu. Fakkar li sadanittant għaddejja wkoll ħidma intensiva fuq il-Key Performance Indicators li, permezz tagħhom, għall-ewwel darba, is-Servizz Pubbliku fit-totalità tiegħu għandu miri ċari li jrid jilħaqhom fi żmien stipulat.
Mario Cutajar qal li din il-ħidma kollha hija xhieda ta’ Servizz Pubbliku li qed jiġġedded. “It-triq ġiet imfassla u dak li ppjanajna li jsir qed jirnexxi u jagħti l-frott mixtieq. Il-fatt li kull sena l-Gvern qed ikompli jżid il-miżuri tal-Baġit huwa proprju xhieda li jaf li s-Servizz Pubbliku kapaċi jwettaqhom,” temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni Cutajar.