PR170844

03/04/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: L-ewwel KPIs għas-Servizz Pubbliku jitħabbru f’Mejju

Meta dalgħodu indirizza laqgħa tal-EUPAN (European Union Public Administration Network) li qed issir f’Malta taħt il-kappa tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, qal li l-ewwel Key Performance Indicators (KPIs) għas-Servizz Pubbliku se jitħabbru f’Mejju li ġej.

Il-kunċett tal-KPIs kien ġie introdott fis-Servizz Pubbliku f’Ġunju li għadda, permezz ta’ proġett pilota fejn tħaffef drastikament il-proċess biex wieħed jiftaħ negozju ġdid f’pajjiżna. Il-KPIs issa se jinfirxu f’oqsma oħra tas-Servizz Pubbliku, biex tonqos il-burokrazija filwaqt li s-servizz ikompli jitjieb. Dan permezz ta’ aktar kordinazzjoni bejn dipartimenti differenti, it-tfassil ta’ miri ċari x’jintlaħqu u dati speċifiċi sa meta jridu jintlaħqu.

Is-Sur Cutajar tkellem dwar it-tiġdid li seħħ fis-Servizz Pubbliku tul dawn l-aħħar erba’ snin, liema tiġdid għadu għaddej u għandu l-għan li s-Servizz Pubbliku jsir aktar effiċjenti u jissodisfa l-aspirazzjoni kemm tal-klijenti kif ukoll tal-impjegati tiegħu. Semma wkoll diversi inizjattivi li ttieħdu bħala parti minn dan it-tiġdid u li jaqgħu taħt it-tliet oqsma ta’ ħidma msemmijin hawn fuq.

Fost dawn l-inizjattivi hemm:

- IDEA, fejn permezz ta’ mekkaniżmu elettroniku l-impjegati tas-Servizz Pubbliku jistgħu jagħmlu suġġerimenti direttament lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 

- Il-ħruġ ta’ Direttiva Numru 8, bl-għan li d-deċiżjonijiet fis-Servizz Pubbliku jittieħdu b’aktar ħeffa permezz ta’ proċessi simplifikati u faċli biex jintużaw.

- Il-pubblikazzjoni ta’ żewġ direttivi oħra marbutin mal-ippjanar u l-ingaġġ ta’ riżorsi umani u rekwiżiti operattivi. 

- It-twaqqif tal-ħames ċentri ta’ servizz.gov fil-qalba tal-komunità, il-ġbir tas-servizzi governattivi f’portal wieħed, kif ukoll it-tnedija ta’ 21 mobile app għal dawn l-istess servizzi.

- Ir-rendikont annwali ta’ kif l-amministrazzjoni pubblika qed timplimenta l-miżuri tal-Baġit u ta’ kif qed tissimplifika l-operat tagħha biex tiżdied l-effiċjenza.

- Il-ħruġ ta’ pubblikazzjoni fejn is-Servizz Pubbliku jagħti r-reazzjoni tiegħu għar-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali.

Is-Sur Cutajar qal li dak li jiġi diskuss f’laqgħat bħal din tal-lum m’għandux jitħalla għal riħu mingħajr tentattivi xierqa biex jiġi implimentat. Għaldaqstant ikun tajjeb jekk wara li tintemm kull Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tiġi ppubblikata lista ta’ miżuri b’potenzjal ta’ implimentazzjoni sabiex il-Presidenzi sussegwenti jkunu jistgħu jaħdmu fuq it-twettiq tagħhom.​