gov.mt

pr170868

PR170868

05/04/2017

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U S-SIMPLIFIKAZZJONI TA’ PROĊESSI AMMINISTRATTIVI, MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI U MILL-UFFIĊĊJU TAL-KUMMISSARJU GĦAS-SIMPLIFIKAZZJONI U T-TNAQQISTAL-BUROKRAZIJA

Fi tliet snin twettqu mal-500 miżura ta’ simplifikazzjoni għas-Servizz Pubbliku

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni llum nieda l-pubblikazzjoni ‘Miżuri ta’ Simplifikazjoni 2016’,  li telenka l-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ttieħdu s-sena li għaddiet biex tonqos il-burokrazija żejda fl-operat tas-Servizz Pubbliku. Din hija t-tielet sena konsekuttiva li qed tinħareġ din il-pubblikazzjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, ħabbar li t-total ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni implimentati fi tliet snin mill-amministrazzjoni preżenti huwa ta’ madwar 500. It-total ta’ miżuri għall-2016 kien jammonta għal 161. Minn dawn, ġew implimentati 123 miżura, jew 76% tat-total, filwaqt li 24% qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati. 

Is-Sur Cutajar elenka diversi miżuri b’saħħithom li twettqu matul l-2016. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ 21 mobile app għas-servizzi governattivi; id-deċentralizzazzjoni tax-Xiri Pubbliku fil-Ministeri; ir-riforma fir-regoli finanzjarji u fl-ispezzjonijiet; is-simplifikazzjoni fil-formolarju tal-Gvern; it-tnedija ta’ żewġ ċentri oħra ta’ servizz.gov; il-konsolidament tas-servizzi kollha tal-Gvern f’sit elettroniku wieħed; ħlas ta’ multi online; u simplifikazzjoni fil-mod kif tinżamm informazzjoni dwar prodotti mediċinali. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-amministrazzjoni preżenti wiegħdet li se tnaqqas il-burokrazija b’25%, iżda f’ċerti każi dan il-perċentwal saħansitra nqabeż – bħal fil-każ tat-tnaqqis drastiku, minn kważi xahrejn għal massimu ta’ tlett ijiem, biex persuna tiftaħ negozju f’pajjiżna. Dan kollu qed isir bi prinċipju wieħed, jiġifieri servizz ta’ kwalità. Fl-imgħoddi l-kwalità tas-servizz ma kinitx definita, iżda kienet miftuħa għall-interpretazzjoni, mentri issa ngħatat definizzjoni u hija msejsa fuq erba’ pilastri – il-vuċi, id-disinn, il-pakkett u l-kontabilità.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija, is-Sur Anthony Agius Decelis. Huwa qal li ma jistax ikollok pajjiż li għandu ġid li qed jikber b’rata mgħaġġla, li qed joħloq 20 impjieg  kuljum, li għandu ekonomija li għall-ewwel darba fl-aħħar 30 sena ħalliet surplus, u mbagħad ikollok Servizz Pubbliku antikwat u diżorganizzat. Għalhekk kienu importanti d-deċiżjonijiet li ttieħdu biex sar it-tibdil neċessarju ħalli s-Servizz Pubbliku jsir aktar user-friendly, aktar qrib iċ-ċittadin u aktar effiċjenti għal min irid u qiegħed  jinvesti f’pajjiżna.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi, Dr Deborah Schembri, qalet li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni mhumiex biss fuq il-karta iżda b’mod tanġibbli qed itejbu l-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Żiedet tgħid li dan il-Gvern ta importanza kbira lis-simplifikazzjoni, tant li ħoloq Segretarjat Parlamentari għaliha, għax jaf li mhux biżżejjed li l-pajjiż ikollu ekonomija b’saħħitha iżda jrid ikun hemm ukoll l-affarijiet anċillari li jagħmluha possibbli. Semmiet ukoll kif id-Dipartiment tal-Artijiet kien magħruf għall-burokrazija, iżda issa se jidħlu fis-seħħ liġijiet ġodda li se jagħtu lok għal titjib fil-proċessi tal-Awtorità tal-Artijiet.