gov.mt

PR170937

PR170937

11/04/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Stabilità tal-impjiegi fis-Servizz Pubbliku

                           
Permezz ta’ ċirkolari maħruġa llum għall-impjegati kollha tas-Servizz Pubbliku, ġiet indirizzata d-diskriminazzjoni li kien hemm qabel bejn l-uffiċjali pubbliċi u dawk ġejjin minn barra s-Servizz Pubbliku b’kuntratt definit. Bit-tneħħija ta’ din id-diskriminazzjoni, issa l-uffiċjali pubbliċi saru ugwali għall-ħaddiema fis-setturi l-oħra li għandhom probation statutorja.

F’laqgħa mal-ġurnalisti, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, spjega li s-sistema sal-lum kienet li bejn wieħed u ieħor kull ħames snin, isir proċess li bih ħaddiema b’kuntratt definit jinqalbu fuq impjieg indefinit. Dan mhux se jkun aktar il-każ, permezz ta’ proċeduri ġodda li qed jidħlu fis-seħħ. Dan kien pass importanti ħafna għall-istabilità kemm tal-impjiegi kif ukoll tal-impjegati, qal is-Sur Cutajar filwaqt li għamilha ċara li din iċ-ċirkolari ma tapplikax għall-persons of trust fil-Ministeri.

Huwa semma diversi miżuri oħra li ttieħdu f’dawn l-aħħar erba’ snin biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-uffiċjali pubbliċi. Diversi direttivi ġew riveduti u aġġornati, filwaqt li saret enfasi fuq il-kunċett li n-nies huma r-riżorsa ewlenija li teżisti fis-Servizz Pubbliku. Kien għalhekk li nħolqot il-People & Standards Division, li ħadet post il-PAHRO, u b’hekk il-kwalità tas-servizz ġiet mgħaqqda mal-immaniġjar tan-nies.

Inizjattiva oħra kienet li l-ħaddiema bdew jintalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom permezz ta’ IDEA. F’din l-inizjattiva fi tliet snin daħlu mal-500 idea, li minnhom ingħalqu nofshom.

Is-Sur Cutajar semma wkoll it-twaqqif tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi flimkien mal-Università ta’ Malta u l-MCAST, li permezz tiegħu, filwaqt li qed isir aktar investiment fil-ħiliet tal-impjegati, qed ikun hemm aktar ċans għall-ippjanar ta’ riformi u tiġdid li hemm bżonn.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma l-bidla li seħħet fir-regolamenti tal-finanzi, mingħajr ma ġiet mittiefsa l-kontabilità. Qal li bidla oħra importanti kienet fil-mod kif titkejjel il-prestazzjoni tal-impjegati, li issa qed jitqiesu b’mod ħolistiku – mhux biss fix-xogħol li jagħmlu iżda wkoll fl-inizjattivi li jieħdu u fit-tip ta’ taħriġ li għandhom bżonn.

Filwaqt li fakkar li dalwaqt se jiġi ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku – għall-ewwel darba ftit xhur biss wara li skada l-ftehim preċedenti – is-Sur Cutajar semma miżuri oħra li ttieħdu biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, fosthom it-teleworking li mill-2012 sal-lum kważi rdoppja.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li dan kollu qed isir biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ dejjem jiġġedded, jibqa’ kompetittiv, iżomm fi ħdanu lill-aħjar nies u jservi ta’ mudell għal employers oħra fil-mod kif jittratta l-ħaddiema tiegħu.


 
​​​