Permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu, għall-ewwel darba
l-ispezzjonijiet li jsiru lin-negozji qed jiġu koordinati b’mod li jwassal għal
tnaqqis fin-numru ta’ spezzjonijiet, tnaqqis fit-telf tal-produttività
tan-negozji minħabba l-ispezzjonijiet, tnaqqis fil-burokrazija, u tnaqqis
fl-ispejjeż amministrattivi fuq perjodu ta’ tliet snin.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li qabel kien hawn 23
spettorat differenti li bejniethom kienu jwettqu 70,000 spezzjoni fis-sena.
Barra minn hekk, negozju wieħed setgħu jsirulu sa sitt spezzjonijiet fl-istess
ġurnata. B’din is-sistema kienu qed jintilfu mat-300,000 siegħa xogħol fis-sena
u dan kien qed jissarraf f’piż finanzjarju għas-sidien tan-negozji.
Kien għalhekk li tnediet White Paper u, wara konsultazzjoni wiesgħa
mal-istakeholders kollha, ġie deċiż li jitwaqqaf uffiċċju li jikkordina
l-ispezzjonijiet. B’hekk jonqos il-piż tal-ispezzjonijiet fuq entitajiet u
individwi filwaqt li jkun żgurat li l-ispezzjonijiet isiru bl-aktar mod
trasparenti u effettiv.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona
qal li din hi riforma sinifikanti mħabbra mill-Gvern fil-budget tal-2015,
fejn il-Gvern poġġa s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis fil-burokrazija fuq nett
tal-aġenda tiegħu, b’target ċar li jnaqqas il-burokrazija b’25%.
“Meta pajjiżna qed jilħaq miri u jagħmel kisbiet nazzjonali u ekonomiċi li
jagħmluh fost l-aqwa fl-Ewropa, mhux xieraq li s-servizzi offruti ma
jirriflettux il-bidliet soċjali tal-pajjiż u tas-suq tal-ġurnata u maż-żmien
ikomplu jikbru l-piż u l-inkonvenjent fuq dawn l-operaturi ekonomiċi”, qal
il-Ministru.
Is-Sur Cutajar qal li sar proġett pilota li jinvolvi l-pet shops u
l-ħwienet tal-laħam. Fejn qabel kienu jsiru sitt spezzjonijiet f’pet shop,
issa naqsu għal spezzjoni waħda. Filwaqt li f’ħanut tal-laħam kienu jsiru tliet
spezzjonijiet, issa dawn naqsu għal spezzjoni waħda wkoll. Fiż-żewġ każijiet dan
ifisser li l-burokrazija qed titnaqqas b’aktar miċ-ċifra ta’ 25% mwiegħda
mill-amministrazzjoni preżenti.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li din mhix bidla kożmetika imma bidla
fil-kultura. Kull bidla tista’ ġġib reżistenza, iżda r-reżistenza wieħed
m’għandux jeħodha bħala theddida imma bħala opportunità biex ikompli jitwassal
il-messaġġ tal-ħtieġa tat-tiġdid fis-Servizz Pubbliku.
Il-Ministru Cardona żied li din ir-riforma mhix inizjattiva iżolata u
sporadika li dan il-gvern qed jieħu iżda tingħaqad ma’ sensiela ta’
deċiżjonijiet li bdew jittieħdu sa minn kmieni f’din il-leġiżlatura biex tiġi
indirizzata l-burokrazija żejda.
Fost l-ewwel sinjali li bagħat dan il-gvern biex jikkonferma l-impenn
tiegħu f’dan ir-rigward, kien hemm il-ħatra ta’ Segretarju Parlamentari
responsabbli minn dan is-settur u Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis fil-Burokrazija,
kif ukoll it-tneħħija ta’ diversi
liċenzji kummerċjali.
“B’hekk għal darba oħra n-negozji tagħna, il-ħaddiema u l-familjari tagħhom
mhux biss se jkomplu jassistu għal gvern li jisma’ l-isfidi tagħhom, iżda wkoll
gvern li b’effiċjenza jindirizza l-isfidi tagħhom”, ikkonkluda l-Ministru
Cardona.