gov.mt

PR170979

PR170979

18/04/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Dak li sar fis-Servizz Pubbliku jiġi estiż għall-entitajiet kollha tal-Gvern: Kuntratti indefiniti għall-ħaddiema fis-Settur Pubbliku wkoll

Id-direzzjoni mogħtija l-ġimgħa li għaddiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li kuntratti definiti għandhom jinbidlu f’kuntratti indefiniti issa ġiet estiża wkoll għall-entitajiet pubbliċi.

Direttiva maħruġa llum mis-Segretarju Permanenti Ewlieni testendi dak li sar fis-Servizz Pubbliku għas-Settur Pubbliku kollu bl-istess parametri mxandra l-ġimgħa li għaddiet għas-Servizz Pubbliku. Dan ifisser ukoll li nbidlet sistema sħiħa ta’ reklutaġġ fis-Settur Pubbliku biex hekk dawk li jfittxu karriera fis-Settur Pubbliku ma jiġux żvantaġġati, b’benefiċċju kemm għall-impjegat innifsu u kemm għas-servizz li jrid jingħata.

L-għan tad-direttiva huwa li jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tas-Settur Pubbliku meta mqabbla ma’ dawk f’oqsma oħra. Is-sitwazzjoni qabel din il-bidla fis-Settur Pubbliku kollu kemm hu kienet li ċerti pożizzjonijiet kienu jinħarġu fuq bażi ta’ kuntratt definit, ġeneralment ta’ tliet snin, u dawk li jintgħażlu biex jokkupawhom ma setgħux jiġu impjegati b’mod indefinit qabel ir-raba’ sena tal-impjieg. Dan kien joħloq diskriminazzjoni għax kien ifisser li l-ħaddiema f’dawn il-pożizzjonijiet kellhom perjodu ta’ probation ħafna itwal minn ħaddiema f’oqsma oħra li għandhom probation statutorja li ma taqbiżx 12-il xahar.

Permezz tad-direttiva maħruġa llum, minn issa ’l quddiem pożizzjonijiet f’entitajiet tas-Settur Pubbliku li jinħarġu permezz ta’ Jobsplus jew b’avviż pubbliku, kif ukoll pożizzjonijiet interni, li ma jkunux f’livell ta’ senior management u fejn m’hemmx raġuni oġġettiva, se jkunu okkupati fuq bażi indefinita. Se jkun biss il-perjodu ta’ probation marbut mal-pożizzjoni partikolari li jiddetermina jekk l-impjegat jiġix ikkonfermat fil-pożizzjoni. Pożizzjonijiet li jġorru raġuni oġġettiva se jibqgħu jkunu okkupati fuq bażi definita.

Ċirkolari maħruġa mad-direttiva llum ukoll tesiġi li fi żmien għaxart ijiem mil-lum, l-entitajiet fis-Settur Pubbliku għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu konformi ma’ dak li tistipula l-istess direttiva.

 

 

 

 

 ​