gov.mt

PR171006

PR171006

20/04/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: L-ewwel ftehim kollettiv tax-xorta tiegħu fis-Servizz Pubbliku

Illum ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku. Dan huwa l-ħames ftehim għal dawn il-ħaddiema, iżda l-ewwel wieħed li jkopri perjodu ta’ tmien snin, dan biex jassigura iktar stabilità filwaqt li l-Amministrazzjoni Pubblika tkun tista’ tkompli twettaq il-bidliet meħtieġa, tinvesti fin-nies u toffri servizz ta’ kwalità.

Il-ftehim iffirmat illum jaffettwa madwar 30,000 impjegat u se jiswa €17-il miljun fl-2017, liema żieda titla’ għal €20.5 miljun fl-2024. Dan jinkludi kemm żidiet fil-pagi kif ukoll żieda f’xi allowances.

Il-ftehim jassigura żieda fis-salarji tal-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika sa mill-ewwel sena li jidħol fis-seħħ. Iż-żieda fil-pagi hija ta’ madwar €16.5 miljun fl-ewwel sena u titla’ għal madwar €20 miljun fl-aħħar ta’ dan il-ftehim.

Il-ftehim jipprovdi wkoll biex dawk il-persuni li jkomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar issa mhux se jibqgħu jitilfu d-dritt għall-pre-retirement leave li jkunu ħadmu għalih matul is-servizz li jkunu taw. Se jkunu jistgħu jeħduh kif jispiċċaw l-impjieg.

 

Ħaddiema li jaħdmu bix-shift se jkollhom ukoll bidla fix-shift allowance tagħhom.


Dawk il-ħaddiema li jkollhom kwalifika li hija addizzjonali ma’ dak li hu meħtieġ biex jagħmlu x-xogħol tagħhom se jkollhom żieda fil-qualification allowance. Dan imur id f’id mal-viżjoni tal-Amministrazzjoni Pubblika li ttejjeb dejjem aktar il-kwalifiki tal-impjegati tagħha. Dan isir anke permezz tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi li issa mhuwiex biss iċ-ċentru ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika, imma huwa entità legali li twaqqfet bi sħab mal-Università ta’ Malta u l-MCAST.

Il-unions li ffirmaw dan il-ftehim huma l-General Workers’ Union (GWU), il-Kamra Maltija tal-Psikologi (MCP), il-Union Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), il-Union Maltija tal-Għalliema (MUT), l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), UĦM – Voice of the Workers, u l-Union tal-Periti u l-Inġiniera tas-Servizz Pubbliku.

Meta indirizza lil dawk preżenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-għan tal-Gvern huwa li jkun mudell għal min jimpjega. Filwaqt li fil-pajjiż qed jintlaħqu rekords ta’ impjiegi, il-Gvern irid jiżgura impjiegi ta’ kwalità u karrieri li jagħtu żbokk għall-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema. Dan huwa ftehim importanti għax filwaqt li jtejjeb il-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ madwar 30,000 ħaddiem, jagħti sinjal tal-avvanz li qed jagħmel il-pajjiż, qal il-Prim Ministru.

Huwa semma kif l-amministrazzjoni preżenti qed tattakka l-prekarjat b’rata bla preċedent u se tkompli taħdem fl-istess direzzjoni. Saħaq li l-akbar riżorsa tas-Servizz Pubbliku hija n-nies u hu għalhekk li l-ħaddiema tiegħu qed jingħatawlhom kundizzjonijiet li jkomplu jispiraw sens ta’ appartenenza u jiżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Prim Ministru żied jgħid li min iħallas it-taxxi qed jinvesti flusu fil-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u għalhekk jistenna servizz tajjeb. Huwa elenka d-diversi miżuri li ttieħdu f’dawn l-aħħar erba’ snin biex is-Servizz Pubbliku jsir iżjed effiċjenti, fosthom il-mobile apps għas-servizzi governattivi u t-titjib tal-kuntatt personali.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li permezz ta’ dan il-ftehim se tkun qed tiġi kkoreġuta għall-ewwel darba l-anomalija li bdiet mill-ewwel ftehim u baqgħet tkaxkar sal-lum, jiġifieri dik marbuta mad-differenza bejn l-ogħla u l-inqas paga fis-Servizz Pubbliku u n-nofs imżaqqaq li nħoloq. Din l-anomalija issa ġiet indirizzata u fl-aħħar tat-tmien snin, iż-żaqq se tkun tnaqqset bi ftit aktar minn 20%.

Is-Sur Cutajar semma l-bosta ftehimiet settorali li qabel, fil-parti l-kbira tagħhom, ma kellhomx terminu kemm idumu fis-seħħ iżda issa għandhom terminu stabbilit ta’ ħames snin. Semma wkoll li se jkomplu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-unions għal bilanċ dejjem aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

Huwa ta’ sodisfazzjon, qal is-Sur Cutajar, li fejn qabel il-ftehim kollettiv ġdid tas-Servizz Pubbliku kien jiġi ffirmat xi sentejn wara li jkun skada l-ftehim preċedenti, issa l-ftehim il-ġdid ġie ffirmat erba’ xhur biss wara li skada ta’ qablu. Il-kelliem żied jgħid li mill-ħaddiema tal-Gvern qed jintalab ħafna—biżżejjed wieħed isemmi l-Key Performance Indicators, aktar effiċjenza u inqas burokrazija—u dan il-ftehim kollettiv jirrikonoxxi l-isforzi ta’ dawn il-ħaddiema.

 

 

 ​