Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Amministrazzjoni
Pubblika nediet pubblikazzjoni bi tweġiba għar-rapport annwali tal-Awditur
Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Il-pubblikazzjoni “Governance - Action on
the NAO’s Annual Report 2015” tnediet f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata
mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar.
Minn 320 rakkomandazzjoni tal-Awditur Ġenerali fl-2015, intlaqgħu b’kollox
285. Il-perċentwal ta’ rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati f’dik is-sena
huwa ta’ madwar 80%. B’kollox, fuq perjodu ta’ sentejn, ġew implimentati
mal-500 rakkomandazzjoni.
Ir-rakkomandazzjonijiet milqugħa għall-2015 kienu jittrattaw, fost oħrajn,
nuqqasijiet relatati mal-logbooks, bħal
fil-każ tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u l-Ministeru
għall-Finanzi; nuqqasijiet relatati ma’ attendance sheets, fosthom
tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Ministeru
għall-Edukazzjoni u x-Xogħol; u nuqqasijiet
relatati mal-Inventarju, bħal fil-każ tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura
u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Kien hemm rakkomandazzjonijiet oħra li ma ġewx aċċettati. Fost oħrajn,
is-Sur Cutajar semma fejn Ministeru ma qabilx
mal-kummenti tal-NAO għal raġunijiet ġustifikabbli, bħal fil-każ tal-Ministeru
tal-Finanzi fir-rigward ta’ firma li l-NAO sostna li kienet falza waqt li
l-uffiċjal ikkonċernata baqgħet issostni li l-firma hija tagħha.
Fit-tħejjija tal-pubblikazzjoni mnedija llum, kull Ministeru ntalab jgħid
x’azzjonijiet ħa fil-konfront tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Awditur
Ġenerali. Fejn ġew elenkati nuqqasijiet fir-Rapport tal-Awditur, intalbet
l-azzjoni korrettiva mill-Ministeri rispettivi. Fejn l-azzjoni ttieħdet
sal-għeluq ta’ dan il-proċess, ingħatat deskrizzjoni tal-azzjoni meħuda. Fejn
l-azzjoni kienet għadha ma tteħditx, ingħata x-xahar li fih se titwettaq.
F’dan il-proċess kien involut ukoll l-Uffiċċju tal-Awditjar Intern, l-IAID,
li vverifika li dak li kien irrappurtat mill-Ministeri verament sar; li
l-azzjonijiet li ttieħdu verament jindirizzaw in-nuqqasijiet li nstabu
mill-NAO; u li l-azzjonijiet pendenti tal-2014 ġew implimentati.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li din il-pubblikazzjoni hija xhieda
ta’ proċess ċar ta’ serjetà u kontabilità u tikkonsolida u ssaħħaħ is-serjetà u
t-trasparenza. Huwa fakkar li għal snin sħaħ ir-rakkomandazzjonijiet
tal-Awditur Ġenerali kienu jaqgħu fuq widnejn torox, tant li meta huwa daħal
fil-kariga sab li fuq firxa ta’ ħames snin kienu saru aktar minn 200
rakkomandazzjoni iżda minnhom bilkemm kienu twettqu ħamsa.
Is-Sur Cutajar qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jmur lura b’sentejn u
għalhekk l-effetti pożittivi tal-miżuri li ttieħdu f’dawn l-aħħar xhur għadhom
mhumiex riflessi fih. Fost dawn il-miżuri hemm ir-riforma fil-mod kif isir
ix-xiri tal-Gvern, fejn tneħħew il-barrikati li kienu jimpedixxu lil xi wħud
milli jieħdu sehem fil-proċess tat-tenders u ssaħħet il-kontabilità. Din se
tkompli tissaħħaħ ukoll bl-introduzzjoni ta’ aktar Key Performance
Indicators fis-Servizz Pubbliku x-xahar id-dieħel kif ukoll bit-twettiq
tal-prinċipju msejjaħ “four-eye principle”.