gov.mt

PR171106

PR171106

28/04/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: L-Awditur Ġenerali ppreżentat bil-pubblikazzjoni bi tweġiba għar-rapport annwali tiegħu

​Meta kien ippreżentat bil-pubblikazzjoni ‘Governance - Action on the NAO’s Annual Report 2015’, l-Awditur Ġenerali esprima sodisfazzjon għall-fatt li l-Amministrazzjoni Pubblika rnexxielha timplimenta mat-80% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tiegħu għas-sena 2015. Fl-aħħar 20 sena minn kemm ilu mwaqqaf l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, din hija t-tieni darba konsekuttiva li qed tittieħed azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jippubblika l-Awditur.
 
Din il-pubblikazzjoni, li hija t-tweġiba tal-Amministrazzjoni Pubblika għar-Rapport Annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi, u hija t-tieni waħda tax-xorta tagħha, tnediet il-ġimgħa li għaddiet f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.
 
Il-pubblikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u lid-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri mill-Aġent Segretarju Permanenti Ewlieni Joe Camilleri u mis-Segretarju Permanenti għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Dimech.
 
L-Aġent Segretarju Permanenti Ewlieni saħaq fuq l-impenn tal-Amministrazzjoni Pubblika li ssaħħaħ il-governanza tajba u li tiżgura li rakkomandazzjonijiet bħal dawk tal-Awditur Ġenerali jiġu implimentati filwaqt li fejn ma jiġux aċċettati, tingħata raġuni valida.
 
Min-naħa tiegħu, l-Awditur Ġenerali radd ħajr lis-Segretarji Permanenti kollha u lil uffiċjali oħrajn għall-koperazzjoni sħiħa tagħhom fit-tħejjija tar-Rapport Annwali. Huwa qal li l-pubblikazzjoni ppreżentata lilu hija importanti għax tkompli tagħti valur lill-ħidma mwettqa mill-uffiċċju tiegħu biex tiżgura użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi.