Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi, flimkien mal-management
ta’ Enemalta plc, iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-kumpanija Streamcast
Technologies Inc. li se tkun qed twettaq investiment li għandu potenzjal li
jilħaq madwar €75 miljun f’Malta.
Fil-ġranet li għaddew, Streamcast Technologies Inc. iffirmat ftehim li permezz
tiegħu se tkun qed tinvesti fil-qasam tal-global data centre market,
investiment li se jibda bl-iżvilupp ta’ data hub taħt l-art
fil-faċilitajiet ta’ Enemalta plc fil-Marsa.
Matul il-laqgħa, il-Ministru Mizzi qal li se jkun qed joffri kull
assistenza neċessarja lill-kumpanija, li saħqet l-intenzjonijiet tagħha
relatati kemm ma’ dan il-proġett, kif ukoll ma’ possibiltajiet oħrajn
fil-futur.
Rappreżentanti tal-kumpanija qalu li kienu tassew kuntenti bis-sit offrut
għall-proġett, speċifikament minħabba li l-faċilitajiet taħt l-art joffru
temperaturi baxxi u stabbli, li huma essenzjali għal dan it-tip ta’ xogħol.
Ir-rappreżentanti żiedu jgħidu li l-iżvilupp se jibda permezz ta’ proġett
pilota bi pjan li jitlesta sa kmieni s-sena d-dieħla. Dan il-proġett pilota ser
iservi sabiex jiġu studjati, kkunsidrati u ffinalizzati pjanijiet dettaljati
għal aktar investimenti simili ma’ Enemalta plc fiż-żmien li ġej.