PR170526

03/03/2017

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U S-SIMPLIFIKAZZJONI TA’ PROĊESSI AMMINISTRATTIVI,MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI U MILL-UFFIĊĊJU TAL-KUMMISSARJU GĦAS-SIMPLIFIKAZZJONI U T-TNAQQIS TAL-BUROKRAZIJA

Il-Country Report dwar Malta, maħruġ ftit jiem ilu mill-Kummissjoni Ewropea, jixhed it-titjib li qed iwettaq il-Gvern fil-ħajja tan-nies f’diversi oqsma, grazzi għal ekonomija f’saħħitha bi tkabbir rekord kif ukoll tnaqqis fil-qgħad.

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi, Dr Deborah Schembri, f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizzat flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, u mal-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija, is-Sur Anthony Agius Decelis.

Dr Schembri qalet li l-Gvern jilqa’ bi pjaċir il-Country Report, li jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma fejn qed ikun hemm riżultati pożittivi, u jilqa’ wkoll il-kummenti u s-suġġerimenti li fih dwar kif pajjiżna jista’ jibqa’ jaġġorna ruħu maż-żminijiet. Minn meta ħareġ ir-rapport sal-lum, diġà saret ħidma biex jitranġaw uħud mill-affarijiet li jissemmew fil-kummenti u s-suġġerimenti.

Rapporti pożittivi bħal dan jgħinu biex f’pajjiżna jkun hawn aktar investiment barrani u aktar ġid ekonomiku li jgawdi minnu kulħadd, qalet Dr Schembri.

Is-Sur Mario Cutajar iddeskriva r-rapport bħala ċertifikat tajjeb ħafna għas-Servizz Pubbliku. Fost oħrajn, ir-rapport jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex jitħaffef il-proċess għat-twaqqif ta’ negozju ġdid. Il-fatt li dan hu msemmi bħala suċċess juri li dak li imbarkajna fuqu hu l-aħjar mod kif is-Servizz Pubbliku jimxi ‘l quddiem u jindirizza l-aspirazzjonijiet tal-klijenti tiegħu, qal is-Sur Cutajar.

Huwa semma l-introduzzjoni tal-Key Performance Indicators (KPIs) għas-Servizz Pubbliku, fejn il-proġett pilota s-sena li għaddiet kien appuntu fil-qasam tat-twaqqif ta’ negozji ġodda. Din is-sena qed tkompli l-ħidma fuq il-KPIs f’għadd ta’ oqsma oħra biex ikunu stabbiliti miri ċari ta’ fejn l-amministrazzjoni trid tasal.

Is-Sur Cutajar elenka l-ħafna xogħol ieħor li sar biex titnaqqas il-burokrazija żejda mis-Servizz Pubbliku. Fost oħrajn semma li s-servizz tad-dawl u l-ilma meta wieħed jiftaħ negozju ġdid issa se jibda jingħata fi żmien għaxart ijiem minflok xahrejn u aktar; se jkun hemm emendi fil-liġijiet biex ikun simplifikat il-proċess ta’ xoljiment ta’ negozju; dan ix-xahar se jiġu varati l-ewwel mobile apps biex is-servizzi tal-Gvern ikunu aċċessati minn kullimkien 24 siegħa kuljum; ġew eliminati eluf ta’ liċenzji tan-negozju; qed jiġu aġġornati r-regoli finanzjarji kollha tal-Gvern; l-ispezzjonijiet lin-negozji qed ikunu kordinati aħjar biex jiġu ffrankati ħafna ħin u spejjeż għas-sidien tan-negozji; u saret riforma fil-qasam tal-kuntratti tal-Gvern fejn tnaqqas drastikament iż-żmien biex jingħata kuntratt u tneħħew ħafna restrizzjonijiet biex negozji żgħar u ġodda jkunu jistgħu jitfgħu l-offerti tagħhom ukoll.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Anthony Agius Decelis qal li l-Country Report isemmi l-kisbiet ekonomiċi li għamel pajjiżna, it-tnaqqis fil-qgħad, it-tkabbir fil-produttività u l-kompetittività ta' pajjiżna, iżda fuq kollox jinnota wkoll qabża ‘l quddiem fl-aspett tal-amministrazzjoni pubblika u tnaqqis fil-burokrazija. Dan huwa ċertifikat pożittiv ieħor għal pajjiżna li jindika li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Fost avvanzi li jirrimarka dan ir-rapport insibu li Malta hija fost l-aqwa stati membri tal-Unjoni Ewropea fis-servizzi tal-e-government, jelenka l-inizjattivi għas-settur tal-intrapriżi, it-twaqqif tal-Kulleġġ tar-Regolaturi u  l-effiċjenza fil-proċess tal-ippjanar, qal is-Sur Agius Decelis.


 
​​​​​​​​​