gov.mt

pr170748

PR170748

24/03/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Paġna ġdida fl-istorja tas-Servizz Pubbliku: Jitnedew 21 mobile app tas-servizzi governattivi

 
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li llum inbdiet paġna ġdida fl-istorja tas-Servizz Pubbliku, hekk kif tnedew l-ewwel mobile apps li permezz tagħhom il-pubbliku jista’ jaċċessa s-servizzi governattivi mill-mowbajl 24 siegħa kuljum, minn kullimkien u matul is-sena kollha. Tnieda wkoll b’mod uffiċjali s-sit elettroniku www.servizz.gov.mt, fejn madwar 800 servizz governattivi jinsabu onlajn.

It-tnedija saret f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sur Cutajar u miċ-Ċermen tal-MITA, is-Sur Tony Sultana. Fid-diskors tiegħu, is-Sur Cutajar semma kif minbarra l-mobile apps u s-servizzi onlajn, hemm ukoll il-ħames ċentri ta’ servizz.gov fil-komunità, fejn jingħataw mal-250 servizz wiċċ imb wiċċ. Skont is-surveys li saru, il-klijenti huma sodisfatti ħafna bis-servizz mogħti f’dawn iċ-ċentri.

Is-Sur Cutajar fakkar li s-sena li għaddiet ġie introdott ukoll il-mystery shopper fid-dipartimenti tal-Gvern, biex is-Servizz Pubbliku jindokra dak li qed jagħmel u jispezzjona lilu nnifsu. Barra minn hekk, beda jsir ranking tad-dipartimenti tal-Gvern u performance ranking tal-uffiċjali pubbliċi.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li minkejja l-kritika li ġieli jirċievi s-Servizz Pubbliku, dan qed juri li dak li daħal għalih qed iwettqu kif wiegħed u fil-ħin, u se jkompli jaħdem bl-istess entużjażmu fl-istess direzzjoni. 

Is-Sur Cutajar radd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom biex ingħatat il-ħajja lill-viżjoni tal-amministrazzjoni preżenti li s-servizzi tal-Gvern ikunu aċċessibbli minn kulħadd kullimkien, 24 siegħa kuljum. Temm jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin f’diversi lokalitajiet f’Malta se jkun hemm booths fejn jiġi spjegat lill-pubbliku kif jaħdmu l-mobile apps li tnedew illum.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Tony Sultana qal li t-tnedija tal-mobile apps qed issir f’kuntest usa’ ta’ pjan ħolistiku li beda madwar sena ilu, meta l-Prim Ministru kien stqarr li jrid jara s-servizzi pubbliċi aktar disponibbli għaċ-ċittadin billi jkunu aċċessibbli 24 siegħa kuljum minn kullimkien. Kien għalhekk li nbdiet il-ħidma fuq l-Istrateġija għal Servizzi tal-Gvern fuq il-Mowbajl, li qed tiġi implimentata fi tliet fażijiet.

Din l-istrateġija, qal is-Sur Sultana, tfasslet wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi oqsma tas-soċjetà, fosthom iż-żgħażagħ, l-industrija, is-Settur Pubbliku u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Sabiex l-istrateġija titwettaq b’kontinwità u konsistenza, ġew ippubblikati linji gwida li jikkumplimentawha. L-ewwel dokument ta’ linji gwida huwa dak teknoloġiku, intiż għal min jiżviluppa s-software tal-mobile apps. It-tieni dokument iħares lejn l-aspett estetiku biex jiżgura li s-servizzi tal-Gvern ikollhom dehra simili u distintiva.

Is-Sur Sultana semma wkoll kif fil-proċess tal-iżvilupp tagħhom, il-mobile apps li tnedew illum tqassmu ma’ għadd ta’ focus groups li taw ir-reazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom dwar l-istess apps.

L-ewwel sett ta’ 21 mobile app imniedi llum ikopri servizzi relatati ma’ diversi oqsma, fosthom il-kultura, il-konsumatur, il-ħarsien tal-annimali, l-artiġjanat, id-dwana, it-taxxa, il-flora u l-fawna, il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Valletta 2018, Għawdex, u l-għoti tad-demm.

Hu ppjanat li fix-xhur li ġejjin jitnedew aktar mobile apps għall-pubbliku, u li sa Diċembru tal-2018 il-mobile apps ma jkunux qed jintużaw biss mill-pubbliku ġenerali iżda wkoll mill-amministrazzjoni pubblika fil-qadi ta’ dmirijietha. 

Biex persuna jkollha l-apps fuq il-mowbajl tagħha, kulma trid tagħmel huwa li tidħol fl-app store tal-mowbajl, tikteb il-kelma “Maltapps”, u ssib l-apps kollha lesti biex jitniżżlu.