gov.mt

PR172486

PR172486

06/11/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Il-proġett servizz.gov jirbaħ premju internazzjonali

Il-proġett servizz.gov rebaħ il-premju internazzjonali “Service Design Award” fis-Service Design Global Conference li saret f’Madrid fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Servizz.gov kien fost 14-il finalist minn madwar id-dinja, magħżula minn ġurija internazzjonali, li kkompetew għal dan il-premju fi tliet kategoriji differenti.

Dan il-proġett, li jittratta dwar kif inhu mibni u kif se jkompli jitjieb is-servizz provdut minn servizz.gov, kien il-frott ta’ kollaborazzjoni bejn studenta Ingliża tar-Royal College of Art, Ella Walding, servizz.gov u l-istakeholders tiegħu.

Walding ippreżentat il-proġett għat-teżi tal-Masters tagħha. Din it-teżi toffri mudell, jew toolkit, li jiffaċilita titjib fl-operat ta’ servizz.gov.

L-istess proġett kien nominat ukoll għas-Service Design Fringe Festival Awards, fejn kien imfaħħar ħafna u kiseb suċċess ukoll.

Bħala parti mir-riċerka li għamlet, Walding tkellmet mat-team li jmexxi servizz.gov, ma’ uffiċjali minn ministeri differenti, mal-aġenti li jipprovdu s-servizz wiċċ imb wiċċ lill-klijenti fil-ħames ċentri ta’ servizz.gov, kif ukoll mal-klijenti nfushom. Ġew organizzati wkoll workshops fejn dawk kollha involuti ħarġu b’ideat dwar kif jista’ jkompli jitjieb is-servizz offrut minn servizz.gov.

Ir-rispons tal-klijenti kien pożittiv ħafna, b’ħafna minnhom jenfasizzaw kemm iħossuhom moqdijin aħjar issa li qed isibu s-servizzi governattivi kollha miġburin taħt saqaf wieħed fil-ħames ċentri ta’ servizz.gov f’Raħal Ġdid, il-Birgu, il-Qawra, Birkirkara u Ħal Qormi.

Servizz.gov joffri modi differenti kif wieħed jaċċessa s-servizzi governattivi miġburin f’post wieħed. L-ewwel nett hemm il-ħames ċentri ta’ servizz.gov fil-qalba tal-komunità. F’kull wieħed minn dawn iċ-ċentri jingħataw ’il fuq minn 250 servizz.

Imbagħad hemm ukoll is-sit elettroniku servizz.gov.mt, fejn wieħed isib mat-800 servizz miġbura f’one-stop-shop online. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ servizz.gov huma aċċessibbli permezz tal-mobile b’20 app fuq maltapps. Is-servizz jingħata wkoll permezz tat-telephone fuq in-numru 153, li fuqu jsiru mat-28,000 telefonata fix-xahar, u permezz tal-email fuq servizz@gov.mt.

Servizz.gov jipprovdi wkoll servizzi għan-negozji permezz tal-one-stop-shop Business 1st li jinsab fl-Imrieħel.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li kien diġà ta’ sodisfazzjon kbir li l-proġett ġie nominat għall-premju, aħseb u ara issa li l-premju ntrebaħ.

Huwa fakkar li, “Bdejna ħames snin ilu bit-tiġdid biex innaqqsu l-burokrazija u nagħtu servizz li sa dakinhar kien issue fil-pajjiż. Illum, ħames snin wara, l-isforzi li saru qed jagħtu l-frott u huma rikonoxxuti.”

Is-Sur Cutajar żied jgħid li, “Dan l-award ma jfissirx li x-xogħol tagħna lest. Għad fadal xi jsir u għad fadal aktar investiment x’nagħmlu biex naslu għal servizz ta’ eċċellenza.”

​​​​​​​