gov.mt

pr172741

PR172741

30/11/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jitwaqqaf One-Stop-Shop għall-uffiċjali pubbliċi: “Sena b’saħħitha u sodisfaċenti ħafna għas-Servizz Pubbliku”

L-2017 kienet sena b’saħħitha u sodisfaċenti ħafna għas-Servizz Pubbliku, sena li wriet li x-xogħol kollu li sar f’dawn l-aħħar erba’ snin ta l-frott mixtieq. Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar meta indirizza lill-ġurnalisti fl-okkażjoni tat-twaqqif tal-one-stop shop għall-uffiċjali pubbliċi, li se jassistihom f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

 Is-Sur Cutajar ħabbar ukoll it-twaqqif ta’ Grievances Board għall-uffiċjali pubbliċi. B’hekk issa l-uffiċjali pubbliċi wkoll għandhom proċedura li tiġi segwita f’każijiet ta’ allegati inġustizzji fil-konfront tagħhom, l-istess bħal ħaddiema f’oqsma oħra. Din hija xhieda ta’ amministrazzjoni miftuħa li ma tiddejjaqx li jsir skrutinju tal-operat tagħha.

F’ħarsa li ta lejn il-ħidma tas-Servizz Pubbliku matul l-2017, is-Sur Cutajar qal li minkejja li din kienet is-sena tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-sena tal-elezzjoni ġenerali, il-ħidma tas-Servizz Pubbliku baqgħet għaddejja b’ritmu regolari. Tant hu hekk li din is-sena xorta waħda nżammet ir-rata medja ta’ implimentazzjoni tal-miżuri tal-Baġit, jiġifieri 70%.

L-2017 kienet ukoll is-sena li fiha servizz.gov rebaħ il-premju internazzjonali “Service Design Award” u ġie rikonoxxut bħala l-aqwa fl-Ewropa fejn jidħlu servizzi online. Barra minn hekk, Malta ġiet rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea għall-aqwa prattiċi fejn jidħol ix-xiri pubbliku. Fil-fatt, filwaqt li fl-2013 kienu jgħaddu medja ta’ 242 jum biex jiġi pproċessat tender, dan il-perjodu tnaqqas għal medja ta’ 84 sas-sena li għaddiet, jiġifieri inqas sew mill-medja tal-Unjoni Ewropea, li hija 120.

Is-Sur Cutajar qal li matul l-2017 is-Servizz Pubbliku kompla miexi bil-viżjoni ċara tiegħu li jipprovdi servizz ta’ kwalità aċċessibbli 24 siegħa kuljum minn kullimkien. Bħala parti mit-twettiq ta’ din il-viżjoni, din is-sena tnedew 21 mobile app għas-servizzi governattivi u l-pjan għas-sena d-dieħla hu li dawn jiġu estiżi għal mobile services biex jinkludu wkoll siti elettroniċi.

Is-Sur Cutajar fakkar ukoll li mat-800 servizz governattiv u l-formoli marbutin magħhom din is-sena nġabru online f’sit wieħed, filwaqt li komplew jissaħħu ċ-ċentri ta’ servizz.gov fil-komunità. Dan kollu qed isir biex is-servizzi governattivi jitressqu dejjem eqreb lejn iċ-ċittadin u ma jkollux għalfejn joqgħod jiġri minn dipartiment għal ieħor.

Fuq dan l-istess kunċett din is-sena twaqqaf Business 1st, li hu one-stop-shop fejn is-sidien tan-negozji jsibu s-servizzi li jiġu bżonn taħt saqaf wieħed. Filwaqt li fakkar li issa biex wieħed jiftaħ negozju jrid jimla biss formola waħda meta qabel kien hemm 22 formola, u ż-żmien biex jinfetaħ negozju ġdid tnaqqas minn xahrejn għal massimu ta’ tlett ijiem, is-Sur Cutajar qal li Business 1st kien wieħed mit-12-il Key Performance Indicator li twettqu din is-sena.

Il-KPIs huma l-mod ġdid kif jaħdem is-Servizz Pubbliku u mod ieħor ta’ kontabilità, li tibqa’ dejjem prijorità għas-Servizz Pubbliku. Għas-sena d-dieħla hemm ippjanati aktar minn 30 KPI ieħor għas-Servizz Pubbliku.

Is-Sur Cutajar semma wkoll kif is-Servizz Pubbliku qiegħed jinvesti bis-sħiħ fil-ħaddiema tiegħu, fost oħrajn bit-tagħlim u t-taħriġ li joffri l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li twaqqaf is-sena li għaddiet u li fl-2017 ħarreġ mat-8000 persuna. Waħda mill-miri tas-Servizz Pubbliku hija li jkun mudell għal kull min iħaddem, u fil-fatt din is-sena ġie ffirmat ftehim kollettiv għall-uffiċjali pubbliċi li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu.