gov.mt

pr172260

PR172260

05/10/2017

STQARRIJA KONĠUNTA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Diskuss it-taħriġ għall-uffiċjali pubbliċi bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar iddiskutew kif fondi li Malta qed tibbenefika minnhom taħt il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali jistgħu jgħinu fit-taħriġ li jrid jingħata lill-uffiċjali pubbliċi bħala parti mill-proċess ta’ tiġdid li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku.

Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali hu programm ċentralizzat u mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea. Taħt l-ewwel sejħa tal-programm, Malta se tibbenefika minn €975,000 taħt tlettax-il inizjattiva li jiffukaw fuq setturi ta’ prijorità għall-Gvern, bħall-finanzi pubbliċi u bħar-riformi istituzzjonali fost l-oħrajn.

Dan il-programm hu mfassal biex isaħħaħ il-kapaċità tal-istati membri ħalli jippreparaw u jwettqu riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali li jippermettu aktar tkabbir u li jinkludu assistenza biex il-fondi Ewropej jintużaw b’mod aktar effettiv u effiċjenti.

Il-fondi taħt dan il-programm ingħataw biex l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom assistenza meta jfasslu r-riformi skont il-prijoritajiet tagħhom stess, jingħataw appoġġ biex ikattru ħiliethom fit-tfassil u fl-iżvilupp ta’ riformi u ta’ strateġiji, jingħataw appoġġ biex jiddefinixxu u jimplimentaw proċessi u metodoloġiji anke billi jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ pajjiżi oħrajn u jżidu l-effiċjenza u l-effettività tal-ġestjoni tar-riżorsi umani billi jissaħħu l-għarfien professjonali u l-ħiliet.

 
​​