gov.mt

PR172159

PR172159

25/09/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jitwettqu l-ewwel KPIs għas-Servizz Pubbliku...aktar fiż-żmien li ġej

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ta rendikont tat-twettiq tal-ewwel Key Performance Indicators (KPIs) għas-Servizz Pubbliku fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura kurrenti. Hu qal li qed jitfasslu għadd ta’ KPIs oħrajn li se jitħabbru fiż-żmien li ġej għax il-KPIs se jkunu l-mod kif jaħdem is-Servizz Pubbliku biex joffri servizz ta’ eċċellenza.
 
L-attività fejn ingħata rendikont tat-twettiq tal-KPIs saret f’Business 1st – il-binja fl-Imrieħel li se tkun qed isservi bħala one-stop-shop għan-negozji. Din kienet waħda mill-KPIs li tħabbru f’Mejju li għadda u li riedu jitwettqu f’mitt jum.
 
Il-KPIs l-oħrajn imħabbra f’Mejju kienu jinvolvu: tnaqqis drastiku fiż-żmien tal-ipproċessar tal-applikazzjoni u l-għoti ta’ servizz ġdid tal-elettriku; żmien definit li fih jingħata lura s-servizz f’każ ta’ qtugħ tas-servizz tal-ilma; tnaqqis fl-assenteiżmu tal-istudenti fl-iskejjel primarji u sekondarji; titjib fil-ħajja ta’ studenti f’diffikultà; żmien definit li fih jiġu solvuti lmenti mressqa minn konsumaturi lit-Tribunal tal-Konsumatur; it-tneħħija tal-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat tal-mard kull ġimgħa għal dawk li għandhom mard fit-tul, kif ukoll it-tiġdid tal-Karta r-Roża b’mod awtomatiku; it-twaqqif ta’ Qorti Kummerċjali; aċċess online għal emendi fil-liġijiet; Wi-Fi b’xejn f’aktar parks; Wi-Fi b’xejn f’xi rotot tat-trasport pubbliku; u għajnuna teknika lill-bdiewa u lir-raħħala.
 
Minn dawn il-KPIs – 12 b’kollox – twettqu għaxra fit-totalità tagħhom. Il-KPI tal-Wi-Fi b’xejn f’xi rotot tat-trasport pubbliku ma ġietx implimentata filwaqt li fil-KPI dwar l-assenteiżmu fl-iskejjel intlaħqet il-mira għall-iskejjel primarji iżda dik għall-iskejjel sekondarji għadha ma ntlaħqitx.
 
Fid-diskors tiegħu s-Sur Cutajar fakkar li l-KPIs huma kunċett ġdid għas-Servizz Pubbliku u qed jitwettqu bħala parti mill-proċess kontinwu ta’ tiġdid li s-Servizz Pubbliku ilu għaddej minnu għal dawn l-aħħar erba’ snin. Dan it-tiġdid irid iwassal għal servizz ta’ eċċellenza fejn tinqata’ darba għal dejjem il-mentalità li kollox jgħaddi.
 
Is-Sur Cutajar qal li l-KPI fejn ma ntlaħqitx il-mira jixhed ċerti difetti, bħal fil-ġbir tad-data u fl-ippjanar li jridu jiġu indirizzati. Semma li fis-Servizz Pubbliku tnieda kunċett ġdid ta’ ppjanar 3D imsejjes fuq tliet prinċipji: define, design, deliver. Dawn jikkumplimentaw l-erba’ pilastri tas-servizz ta’ kwalità, jiġifieri l-vuċi, id-disinn, il-pakkett u l-kontabilità.
 
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li l-pass li jmiss hu li l-KPIs jinfirxu f’aktar oqsma tas-Servizz Pubbliku. Bħalissa qed jitfasslu għadd ta’ KPIs oħrajn li permezz tagħhom se ssir taqliba sħiħa fl-operat ta’ diversi dipartimenti biex ikun hemm titjib fis-servizzi li joffru. Dawn il-KPIs iridu jitlestew sas-sena d-dieħla flimkien ma’ KPIs oħrajn fuq skala iżgħar iżda daqstant ieħor importanti.
 
Filwaqt li esprima sodisfazzjon għall-miri milħuqa f’dawn il-mitt jum, is-Sur Cutajar qal li għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Dak li ġie implimentat f’dawn il-mitt jum, flimkien max-xogħol kollu li sar f’dawn l-erba’ snin biex is-Servizz Pubbliku jiġġedded, hu biss togħma ta’ dak li għad irid jitwettaq fis-Servizz Pubbliku matul din il-leġiżlatura, temm jgħid is-Sur Cutajar.