PR172198

28/09/2017

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jiggradwaw 260 uffiċjal pubbliku minn korsijiet tal-IPS

Fl-Aula Magna tal-Università l-Qadima, il-Belt, saret it-tieni ċerimonja ta’ gradwazzjoni għall-uffiċjali pubbliċi. F’din iċ-ċerimonja ggradwaw 260 uffiċjal pubbliku, jiġifieri 73 aktar mis-sena li għaddiet.

Il-korsijiet li temmew b’suċċess dawn l-uffiċjali pubbliċi kienu n-National Public Procurement Regulations (156 gradwat) u l-Public Management Toolkit (104 gradwati). Iż-żewġ korsijiet huma offruti mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.

F’dan l-Istitut, li twaqqaf sena ilu bi sħubija bejn is-Servizz Pubbliku, l-Università ta’ Malta u l-MCAST, din is-sena kien hemm 3,764 persuna jattendu l-korsijiet. Minn dawn, 1,675 huma rġiel u 2,089 huma nisa.

F’diskors li għamel qabel ma qassam iċ-ċertifikati lill-gradwati, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, fakkar li l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi twaqqaf sena ilu biex ikun parti mill-viżjoni sħiħa għas-Servizz Pubbliku li jħares ’il barra aktar milli ’l ġewwa u b’hekk jagħti servizz eċċellenti lill-klijenti tiegħu.

Is-Sur Cutajar semma kif it-taħriġ hu l-qafas tat-tiġdid li s-Servizz Pubbliku ilu għaddej minnu f’dawn l-aħħar erba’ snin. Saħaq li fil-pajjiż ma jistax ikollok ekonomija tikber b’rata mgħaġġla mingħajr ma s-Servizz Pubbliku jkun il-mutur ewlieni li permezz tiegħu jitwettaq dan il-progress.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni tkellem fuq il-ħtieġa li ċ-ċittadin ma jibqax jaqta’ qalbu meta jiġi bżonn xi servizz mingħand is-Servizz Pubbliku. Bis-saħħa tat-tiġdid li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku, illum iċ-ċittadin isib il-formoli kollha meħtieġa onlajn jew, jekk jippreferi, fil-ħames ċentri ta’ servizz.gov imxerrdin fil-komunità li se jkomplu jiżdiedu fin-numru. Fuq l-istess mudell ta’ dawn iċ-ċentri tfassal Business 1st, il-one-stop-shop għan-negozji li tnieda aktar kmieni din il-ġimgħa.

Is-Sur Cutajar qal li din is-sena kienet vetrina sabiħa għas-Servizz Pubbliku li, minkejja l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll elezzjoni ġenerali, baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu.

Huwa tkellem ukoll fuq il-bżonn li l-uffiċjali pubbliċi jibqgħu jistudjaw u jitħarrġu u semma kif l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi se jimraħ aktar fil-qasam tar-riċerka, anke permezz ta’ aktar placements ta’ studenti. Żied jgħid li s-sena d-dieħla għall-ewwel darba se jinbdew korsijiet għall-gradi industrijali u tekniċi biex dawn il-ħaddiema wkoll ikollhom aktar opportunitajiet fil-karriera u jagħtu servizz aħjar.

Iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni kienet indirizzata wkoll minn Dr Silvio De Bono, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST, u mill-Professur Alfred Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta. Dr De Bono semma fost oħrajn kif, bħala sieħeb strateġiku fl-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, l-MCAST qed jieħu ħsieb żewġ korsijiet importanti li tfasslu bi ħsieb u li l-parteċipazzjoni fihom hija tajba ħafna. Min-naħa tiegħu, il-Professur Vella saħaq fuq il-ħtieġa tat-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll fuq il-bżonn li r-riċerka, u mhux biss it-tagħlim, tkun parti mill-ħidma tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.