Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR180853

PR180853

19/04/2018

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Varati aktar servizzi governattivi aċċessibbli mill-mobile taħt il-kappa ta’ mServices

Sena biss wara li tnedew l-ewwel mobile apps għas-servizzi governattivi, illum ġew varati aktar mobile apps kif ukoll siti elettroniċi governattivi kompatibbli mal-mobile. B’hekk issa s-servizzi kollha tal-gvern aċċessibbli minn fuq il-mobile qed jitlaqqgħu taħt il-kappa ta’ mServices.​​

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, fakkar li f’Novembru 2016 ġiet varata l-Istrateġija għal Servizzi tal-Gvern fuq il-Mowbajl, biex b’hekk bdiet titwettaq il-viżjoni li l-pubbliku jkun jista’ jaċċessa s-servizzi governattivi mill-mobile 24 siegħa kuljum, minn kullimkien u matul is-sena kollha. F’Marzu 2017, is-Servizz Pubbliku nieda l-ewwel 21 mobile app għas-servizzi governattivi, miġburin taħt Maltapps. Matul l-2017 kien hemm aktar minn 65,000 download ta’ dawn l-apps.

Illum, sena biss wara, ġew varati 13-il mobile app ġodda u 10 siti elettroniċi kompatibbli mal-mobile. Aktar kmieni din is-sena saret is-soft launch ta’ 10 siti oħra. B’hekk il-pubbliku issa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu 34 mobile app u 20 sit elettroniku kompatibbli mal-mobile

Il-mobile apps il-ġodda jagħtu aċċess għar-reklutaġġ fis-Servizz Pubbliku, għas-servizzi offruti minn Business 1st, għal tagħrif dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, għaċ-ċertifikat tal-kondotta, Esplora, u għal informazzjoni dwar il-biedja u s-sajd, fost oħrajn.

Is-siti elettroniċi huma marbuta ma’ oqsma bħall-benefiċċji soċjali, servizzi edukattivi, fondi għal għaqdiet volontarji, grants, il-Malta Industrial Parks, l-Istitut għal Servizzi Turistiċi, id-donazzjoni ta’ organi, u fondi mill-Unjoni Ewropea.

Is-Sur Cutajar fakkar li s-servizzi fuq il-mobile huma kumplimentati minn servizzi online u servizzi wiċċ imb’wiċċ. Huwa semma kif is-sit elettroniku www.servizz.gov.mt, fejn madwar 800 servizz governattiv u l-formoli relatati jinsabu online, ikollu medja ta’ 80,000 hit kull xahar. Barra minn hekk, kull xahar ikun hemm medja ta’ 3500 persuna li jżuru ċ-ċentri ta’ servizz.gov, medja ta’ 29,000 telefonata fuq il-freephone 153, kif ukoll jidħlu 1300 email.

Is-Sur Cutajar qal li bħalissa għaddej il-proċess li l-formoli online jinqalbu minn format PDF għal eforms. Il-proċess se jitlesta f’Ottubru li ġej, meta jkunu nqalbu b’kollox 635 formola. Huwa ddeskriva lil servizz.gov bħala storja ta’ suċċess u qal li din se tkun l-entità li tkopri s-servizzi governattivi kollha u twassalhom hi stess għand in-nies, mhux tistenna lin-nies imorru għandha.

Il-viżjoni li jmiss biex titwettaq, kompla s-Sur Cutajar, hija dik li l-klijent jagħti l-informazzjoni dwaru nnifsu lill-gvern darba biss, imbagħad l-informazzjoni timxi minn dipartiment għal ieħor skont il-ħtieġa, dejjem b’ħarsien tar-regolamenti tal-protezzjoni tad-data. Minn hemm is-Servizz Pubbliku jrid jasal għal servizz ta’ eċċellenza, għax is-Servizz Pubbliku mhux biss irid jagħti wens iżda jrid joffri l-ambjent meħtieġ biex l-ekonomija tkompli tikber.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni fakkar li f’Novembru li għadda l-Kummissjoni Ewropea kklassifikat lil pajjiżna fl-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dawk li huma servizzi online. Huwa qal li l-akbar sfida mhix li tilħaq l-ewwel post imma li tibqa’ tokkupa dak il-post. Dak li seħħ illum għandu proprju dan l-għan, temm jgħid is-Sur Cutajar.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman Eżekuttiv tal-MITA, is-Sur Tony Sultana. Huwa qal li bit-tnedija tat-tieni fażi ta’ mobile apps u responsive websites intlaħaq tragward ieħor fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Ekonomija Diġitali – Digital Malta. Spjega kif l-użu tal-internet minn fuq il-mobile qabeż sew l-użu tal-internet minn fuq il-laptop, tant li minn informazzjoni maħruġa mill-NSO, fl-2017 f’Malta l-użu tal-internet minn fuq il-mobile kien ta’ madwar 83% ta’ dawk kollha li jużaw l-internet. Dan jikkonferma l-importanza li s-servizzi tal-gvern huma disponibbli fuq il-mobile.

Is-Sur Sultana qal li l-proġett huwa mfassal fuq tliet fażijiet. L-ewwel fażi tnediet is-sena l-oħra billi ġew varati l-Mobile Services fil-kategorija ta’ mCommunications. It-tieni fażi, dik varata llum, tindirizza sensiela ta’ Mobile Services indirizzati biex joffru mPayments u mTransactions. It-tielet fażi se tkun dik fejn jiġu implimentati Mobile Services indirizzati biex joffru servizzi li jservu ta’ għodda fuq il-mobile għall-użu ta’ uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijithom - mAdministration.

 

 

 

 

 

 

 ​