“F’pajjiżna rridu naħsbu aktar f’termini ta’ ekonomija ċirkulari” – il-Ministru Josè Herrera
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Josè Herrera qal li f’pajjiżna rridu nibdew naħsbu f’termini ta’ ekonomija ċirkulari fejn l-iskart ta’ industrija jkun il-materja prima ta’ industrija oħra. Hu kien qed jitkellem f’seminar konġunt fis-sensiela “Ippjanar u Twettiq” li qed jiġu organizzati mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni flimkien mal-ministeri rispettivi. Is-seminar tal-lum kellu t-tema “Immaniġġjar Sostenibbli tal-Iskart”.
Il-Ministru saħaq li dawn it-tip ta’ laqgħat huma importanti għax jiġu diskussi suġġetti differenti li fl-istess waqt jimpattaw anke lil xulxin u li jkun hemm il-bżonn ta’ għarfien dwarhom.
Spjega li minbarra l-firxa vasta fil-portafoll tal-ministeru tiegħu, suġġetti bħall-ambjent u bħall-iżvilupp sostenibbli li huma temi orizzontali, hemm ir-responsabbiltà kollettiva li jiġu promossi prinċipji u miżuri li jikkontribwixxu għal dawn l-oqsma f’policies oħrajn. Kompla jgħid li l-Gvern għadu kemm ressaq emendi għall-Kostituzzjoni ta’ Malta biex nirrikonoxxu li l-protezzjoni tal-ambjent hi dover ta’ kull wieħed u waħda minna.
Il-Ministru Herrera sostna li qed jesplora modi ta’ kif jinħolqu opportunitajiet ġodda mir-risanament tal-ambjent biex dan ikun xprun ieħor għall-ekonomija tagħna. Hu saħaq li rridu nbiddlu l-mod kif inħarsu lejn l-iskart minn wieħed ta’ inkonvenjent għal wieħed ta’ opportunità. Għaldaqstant irridu nibdew naħsbu f’termini ta’ ekonomija ċirkulari fejn l-iskart ta’ industrija jkun il-materja prima ta’ industrija oħra.
“L-aktar ministeru li għandu bżonn il-KPIs u li jrid jinvesti fit-twettiq tagħhom” – Is-Sur Mario Cutajar
Meta indirizza s-seminar, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar tkellem dwar il-Key Performance Indicators (KPIs) li ġew introdotti fl-operat tas-Servizz Pubbliku u qal li l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima hu l-iktar ministeru li jinħtieġ il-KPIs u li għandu bżonn jinvesti fit-twettiq tagħhom biex jara li fil-policies li jitfasslu jinżammu l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli.
Is-Sur Cutajar qal li wara li s-sena li għaddiet twettqu b’suċċess l-ewwel KPIs għas-Servizz Pubbliku, fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru aktar KPIs biex is-Servizz Pubbliku jkompli jsaħħaħ l-operat tiegħu, partikolarment fid-dipartimenti ħalli s-servizz li jingħata l-klijent ikun tal-ogħla kwalità.
Il-pass li jmiss wara l-KPIs hu dak fejn is-Servizz Pubbliku se jgħaddi għall-accelerators. Dan ifisser li meta jinqalgħu problemi ta’ impatt wiesa’, id-dipartimenti u l-ministeri jingħaqdu biex il-problemi jiġu solvuti fl-iqsar żmien possibbli.
Is-Sur Cutajar elenka wħud mill-Miri dwar Żvilupp Sostenibbli mfassla min-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu implimentati sas-sena 2030. Dawn jittrattaw temi bħall-eradikazzjoni tal-faqar, stil ta’ ħajja sana, opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni, ugwaljanza bejn is-sessi u xogħol diċenti għal kulħadd.
Is-Sur Cutajar ta ħarsa lejn kif f’Malta qed jintlaħqu dawn il-miri. Semma fost oħrajn kif fl-2017 f’pajjiżna l-faqar niżel għal terz ta’ dak li kien fl-2012, li jfisser li l-ġid li qed jinħoloq qed jinżel ’l isfel fis-soċjetà u qed jiġu adottati policies biex in-nies jelevaw il-qagħda tagħhom. Semma wkoll kif qed jittieħdu inizjattivi biex l-edukazzjoni ma tibqax imsejsa fuq mudell ta’ one size fits all iżda tkun magħġuna skont il-ħiliet ta’ kull inidividwu. Wieħed mill-KPIs li twettqu s-sena li għaddiet fis-Servizz Pubbliku kien proprju pjan ta’ tagħlim personalizzat għal studenti b’diffikultà.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma wkoll il-passi li ttieħdu sa mill-bidu nett ta’ din l-amministrazzjoni biex jinqered il-prekarjat fix-xogħol mal-Gvern. Dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, tkellem fuq kif is-Servizz Pubbliku qed joffri ambjent fejn in-nisa jingħataw l-istess spazju u appoġġ bħall-irġiel biex ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem fil-karriera. Fakkar ukoll li mill-2013 ’l hawn kien hemm qabża kbira fil-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla karigi tas-Servizz Pubbliku.