Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr182668

PR182668

07/12/2018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠĠJAR TAL-ILMA, MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI Proġett li se jibdel radikalment il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma

​Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma laħqet stadju kruċjali fil-proġett ta’ 130 miljun ewro li se jibdel radikalment il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma f’pajjiżna. Ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-pumping station f’Ta’ Kandja, li kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u mis-Segretarju Parlamentari Aaron Farruiga.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-korporazzjoni mhux talli se tkun qed tilħaq il-miri ferm ambizzjużi li kellha fi żmien stipulat, imma se tkun qed taqbiżhom. Hu qal li dan hu frott ta’ xogħol intensiv ħafna, preparamenti li jtulu s-snin u determinazzjoni impressjonanti, u rringrazzja lit-team kollu li ħadem biex inkiseb dan ir-riżultat li mhux biss se jsaħħaħ u jsostni l-ekonomija tal-pajjiż iżda se jwassal servizz aħjar lill-poplu bl-aktar mod sostenibbli.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal “li bir-riżultati pożittivi li qed jikseb pajjiżna fosthom ir-rata tat-tkabbir ekonomiku li qed taċċelera flimkien mal-kwalità tal-ħajja li dejjem titjieb u n-numru ta’ persuni li jgħixu f’pajjiżna minbarra t-turisti li qed iżuru dawn il-gżejjer, qed iwasslu biex ikollna bżonn ta’ investiment akbar f’dan is-settur”. Il-Ministru Scicluna kompla li pajjiżna ilu s-snin jiddependi mir-Reverse Osmosis biex ilaħħaq mad-domanda tal-pajjiż. Issa qed ifassal pjan ħolistiku u investiment biex nikkonservaw l-ilma tax-xita u se nkabbru l-impjanti li jipproduċu l-ilma biex ilaħħqu mad-domanda għall-bżonnijiet tal-futur. Il-Ministru Scicluna kkonkluda billi faħħar ix-xogħol u s-sehem ta’ diversi dipartimenti tal-Gvern f’dan il-proġett fosthom id-Dipartiment tal-Kuntratti. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li r-riżorsa tal-ilma hi prijorità għal Malta kif ukoll għall-Unjoni Ewropea, kemm għas-sigurtà tal-provvista u għat-titjib tal-kwalità tal-ilma kif ukoll għall-użu effiċjenti tal-ilma. L-investimenti b’fondi Ewropej jinkludu fost l-oħrajn impjant ġdid tar-Reverse Osmosis f’Għawdex u żieda fil-kapaċità ta’ impjanti ta’ ROs oħrajn eżistenti f’Malta. Se jiġi introdott ukoll network ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-Waste Water filwaqt li se tiżdied il-possibbiltà ta’ distribuzzjoni għall-użu mill-ġdid tal-ilma trattat. Il-valur totali tal-proġett jammonta għal iktar minn €100 miljun kofinanzjati mill-fond ta’ koeżjoni u mill-fond agrikolu. Bil-għajnuna ta’ fondi Ewropej infetħu wkoll tliet polishing plants li jkopru diversi nħawi fin-Nofsinhar u fit-Tramuntana ta’ Malta kif ukoll f’Għawdex. B’hekk se jitjieb kemm il-kwalità tal-ilma tax-xorb għaċ-ċittadini Maltin kif ukoll il-kwalità ta’ second class water għall-użu tal-biedja f’Malta.  

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Mizzi semma wkoll il-proġett tar-Reverse Osmosis ġdida f’Għawdex u l-upgrades li qed isiru fit-tliet impjanti ta’ Malta, proġetti li se jippermettu li nipproduċu iktar ilma b’inqas enerġija. 

“Barra min hekk qed nipproduċu miljuni ta’ metri kubu ta’ ilma ġdid li qed jiġi riċiklat meta dan qabel kien jintrema”, żied il-Ministru. Kull litru li jitqassam minn dawn l-impjanti tan-New Water hu litru inqas ta’ ilma estratt mill-water table. “Qed nagħmlu dan kollu b’ħidma kbira u se nkomplu f’din it-triq ħalli niżguraw infrastruttura b’saħħitha, servizz aħjar u futur aktar sostenibbli”, temm il-Ministru.