gov.mt

pr182680

PR182680

10/12/2018

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ: ATTIVA Standards soċjali regolatorji dwar is-servizzi ta’ ‘respite’ għal persuni b’diżabilità

Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar l-istandards soċjali regolatorji dwar is-servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità.


Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis saħaq dwar l-importanza li l-ġenituri u l-qraba tal-persuni b’diżabilità jieħdu l-mistrieħ tagħhom. Biex dawn jagħżlu li jagħmlu użu mis-servizzi tar-respite iridu jassiguraw ruħhom li s-servizzi huma ta’ kwalità għolja u li qegħdin joffru sigurtà lil uliedhom. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella qal li “l-Awtorità qed tniedi standards oħrajn din id-darba mmirati għal servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità. Dawn l-istandards huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ dinjità, il-privatezza, l-għażla u t-twettiq tal-potenzjal tal-individwu. Hu mistenni li dawn l-istandards jgħinu kemm lil persuni b’diżabilità kif ukoll lill-caregivers tagħhom għax huma mmirati li jtejbu l-kwalità tas-servizz offrut”. 

Anthony Agius Decelis żied li dan il-gvern jemmen fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u fid-dinjità tagħhom bil-fatti. Dawn l-istandards se jħarsu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; se jgħollu l-istandards fir-residenzi tal-persuni b’diżabilità kif ukoll se jsir monitoraġġ tal-istess standards. 

Agius Decelis kompla li dawn l-istandards soċjali regolatorji se jiżguraw li min jipprovdi servizz, se joffri servizz ta’ kwalità ogħla li jilħaq u jaqbeż il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità, kif dejjem emfasizza dan il-gvern.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-pubbliku u lil kull min għandu għal qalbu s-settur tad-diżabilità biex jibgħat il-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu dwar dak li qed jiġi propost fil-linji gwida u fl-abbozz legali. 

Il-linji gwida u l-abbozz legali jistgħu jinkisbu minn https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MFSS/Pages/Consultations/SocialRegulatoryStandardsRespiteServicesforPersonswithdisability.aspx

Ir-rispons jista’ jintbagħat fuq feedback.scsa@gov.mt jew Regulation and Standards Office, Social Care Standards Authority, 469, l-Istitut Buġeja, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, SVR 1012 sal-31 ta’ Diċembru 2018. F’każ ta’ diffikultà wieħed jista’ jċempel fuq 25494474.