gov.mt

PR180262

PR180262

06/02/2018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL

L​-ogħla uffiċjali fit-tmexxija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol attendew għal seminar bit-tema ‘Ippjanar u Twettiq’ li ffoka fuq it-tmexxija u l-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati fil-vjaġġ edukattiv. Dan is-seminar kien organizzat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol flimkien mal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. Matul dan is-seminar kienu diskussi l-miżuri li l-Ministeru jrid iwettaq biex ikompli jtejjeb is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Fih tkellmu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. 

Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Permanenti Dr Frank Fabri stqarr li, “Quddiemna għandna vjaġġ li rridu mmexxu għall-edukazzjoni f’pajjiżna u dan jorbotna b’responsabbiltà morali biex l-istudenti jirnexxu lkoll u biex l-għalliema jkollhom tabilħaqq ħin adekwat għall-pjaċir fit-tagħlim u t-tkabbir u l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa milll-istudenti tagħna.” 

Huwa spjega li kien proprju għalhekk li fl-ewwel jiem ta’ din is-sena, b’mod immedjat, l-amministrazzjoni waqfet u bdiet tlaqqa’ Implementation Task Force biex tara li kull miżura li toħroġ mill-ftehim settorali l-ġdid li ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2017 ikollha owner, data ta’ implimentazzjoni, u work plan, waqt li l-operat kellu jiddentifika dawk il-miżuri biex jimplimentahom mill-ewwel u bla dewmien. 

Żied jgħid ukoll li fis-sajf li ġej ser ikun qed isir ix-xogħol fuq madwar 77 workshop ġdid fl-iskejjel sekondarji kollha biex fihom jiġu mgħallma s-suġġetti vokazzjonali u applikati.

 Investiment ta’ €40 miljun fit-teknoloġija fis-Servizz Pubbliku 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, ħabbar li fit-tliet snin li ġejjin se tkun qed tintefaq is-somma ta’ €40 miljun biex is-Servizz Pubbliku jagħmel investiment qawwi fit-teknoloġija. L-għan ewlieni ta’ dan l-investiment huwa li jitneħħew is-silos fis-Servizz Pubbliku billi d-databases tal-Ministeri ma jibqgħux iżolati u jkun hemm trasferiment aktar faċli ta’ informazzjoni bejn id-dipartimenti. 

Is-Sur Cutajar qal li tradizzjonalment is-Servizz Pubbliku jaħdem b’sistema ta’ silos, fejn kull dipartiment jaħdem maqtugħ mill-bqija. Dan l-iżolament ixekkel is-servizz u huwa għalhekk li qed isir investiment ta’ €40 miljun fit-teknoloġija, qal is-Sur Cutajar filwaqt li semma kif nofs din is-somma se tkun ġejja minn fondi tal-Unjoni Ewropea.  

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni saħaq li s-Servizz Pubbliku jagħraf li t-teknoloġija hija l-bażi tal-ġejjieni. Kien għalhekk li f’dawn l-aħħar snin ħa diversi inizjattivi f’din id-direzzjoni, fosthom il-ħolqien ta’ one-stop-shop online fejn wieħed isib is-servizzi governattivi u l-formoli relatati miġburin f’post wieħed, kif ukoll it-tnedija ta’ mobile apps biex wieħed jaċċessa s-servizzi governattivi mill-mobile 24 siegħa kuljum minn kwalunkwe post. 

Dan, qal is-Sur Cutajar, huwa l-frott tat-tiġdid li għaddej kontinwament fis-Servizz Pubbliku u li qed jissarraf f’servizz ta’ kwalità li jantiċipa l-ħtiġijiet tal-klijenti u jissodisfahom bl-aħjar mod possibbli. Il-kwalità tintlaħaq billi kull min jaħdem fis-Servizz Pubbliku jkun jaf b’mod preċiż fejn irid jasal. Jekk ma jkunx hemm mira eżatta li trid tintlaħaq, wieħed ma jistax jasal fid-destinazzjoni mixtieqa. 

Dan huwa appuntu l-għan tal-Key Performance Indicators li ġew introdotti fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll l-għan ta’ seminars bħal dawn li se jinfirxu fost il-Ministeri kollha biex l-istrateġija tal-amministrazzjoni pubblika tkun magħrufa minn kulħadd u taħdem b’mod ħolistiku. Li ngħidu eżatt fejn irridu naslu huwa wkoll forma ta’ kontabilità, l-istess kif hi forma ta’ kontabilità l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti kull sena li juru dak li l-amministrazzjoni pubblika rnexxielha twettaq u dak li għadha ma rnexxilhiex tasal għalih, qal is-Sur Cutajar. 

Fl-aħħar nett il-Ministru Evarist Bartolo għalaq billi qal li l-għan tal-Gvern huwa li l-edukazzjoni tkun aċċessibbli għal kulħadd irrispettivament minn fejn ġej u s-sitwazzjoni finanzjarja li l-istudent/a jinsab fiha. Dan għaliex l-edukazzjoni mhijiex biss iċ-ċavetta għall-istudenti sabiex jimxu ’l quddiem fis-soċjetà iżda hija parti essenzjali mill-progress ta’ pajjiżna biex ikompli miexi ’l quddiem.​

​​​​