Stħarriġ professjonali, indipendenti u estensiv juri li l-ħaddiema
fis-settur pubbliku f’sena jieħdu medja ta’ jum wieħed biss ta’ sick leave
aktar mill-ħaddiema fis-settur privat. Filwaqt li l-ħaddiema fis-settur privat
jieħdu medja ta’ 2.6 ġranet ta’ sick leave fis-sena, dawk fis-settur
pubbliku jieħdu medja ta’ 3.6 ġranet.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal dan f’laqgħa li kellu
llum mal-Kumitat għar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ. Hu saħaq li
r-riżultati tal-istħarriġ jikkontradixxu dak li qalet il-Malta Employers Association
(MEA) f’Settembru li għadda, jiġifieri li l-ħaddiema fis-settur pubbliku jieħdu
t-tripplu tas-sick leave li jieħdu l-ħaddiema fis-settur privat.
Is-Sur Cutajar qal li d-diskrepanza kbira fil-figuri kkwotati mill-MEA
kienet dovuta għall-fatt li fis-settur privat, min iħaddem mhux neċessarjament
jirrapporta s-sick leave tal-impjegati tiegħu qabel ir-raba’ jum ta’
mard, filwaqt li s-sick leave fis-settur pubbliku jiġi rrappurtat
mill-ewwel ġurnata. L-istħarriġ li sar juri li jekk wieħed iqabbel like with
like, il-ħaddiema tas-settur pubbliku fir-realtà jieħdu medja ta’ ġurnata
waħda biss ta’ sick leave aktar mill-ħaddiema tas-settur privat f’sena.
Is-Sur Cutajar qal li minn dan l-eżerċizzju jidher ċar li jeħtieġ li ssir
aktar riċerka dwar ir-raġunijiet li għalihom jittieħed is-sick leave fis-settur
pubbliku. Madanakollu, l-istħarriġ juri li x-xejriet tas-sick leave fis-settur
pubbliku mhumiex differenti minn dawk tas-settur privat u jidher li huma
marbutin ma’ fatturi staġjonali, bħall-influwenza.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li minkejja r-riżultati ta’ dan
l-istħarriġ, hemm aktar xogħol xi jsir fuq il-kwistjoni tas-sick leave fis-settur
pubbliku. Fost affarijiet oħra, biex il-ħaddiema fiż-żewġ setturi jkunu fuq
l-istess livell, trid tittieħed deċiżjoni dwar il-mod kif jiġi rrappurtat is-sick
leave.
F’dan ir-rigward hemm proċeduri li jistgħu jiġu simplifikati u għalhekk
wieħed mill-ewwel passi li se jittieħdu hu li jitneħħa l-obbligu li s-settur
privat jibgħat lid-dipartiment konċernat iċ-ċertifikati tal-mard tal-ewwel
tlett ijiem ta’ sick leave. B’hekk jitneħħa proċess li hu żejjed u mhux
meħtieġ. Fl-istess waqt wieħed irid jiddiskuti ma’ min iħaddem l-aħjar mod kif
tinġabar l-istatistika dwar is-sick leave.