gov.mt

pr180407

PR180407

26/02/2018

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

 
“Dan huwa l-aqwa żmien biex nagħmlu r-riformi fis-Servizz Pubbliku li jeħtieġ pajjiżna” – Aaron Farrugia

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar iħabbru żewġ miljun ewro taħt il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali biex pajjiżna jkun jista’ jagħmel riformi strateġiċi tul il-perjodu 2017-2020.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-proġetti li qed jiġu mħabbra jindirizzaw ir-riformi li pajjiżna ser ikun qed jagħmel ibbażati fuq il-Country Specific Recommendations li tagħti l-Kummissjoni Ewropea. Aaron Farrugia qal li għalkemm dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex mandatorji, Malta xorta waħda għaddejja bil-ħidma f’dan l-aspett, hekk kif għandna l-akbar tkabbir ekonomiku ta’ kull żmien.

Is-Segretarju Parlamentari qal li taħt dan il-programm, il-fondi pprovduti huma għal azzjonijiet u attivitajiet biex:

-           Jiġu assistiti l-inizjattivi ta’ awtoritajiet nazzjonali biex dawn ikunu jistgħu jiddisinjaw ir-riformi skont il-prijoritajiet tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-kundizzjonijiet u l-impatti soċjo-ekonomiċi mistennijin;
-           Jingħata appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex dawn itejbu l-kapaċità tagħhom biex jifformulaw, jiżviluppaw u jimplimentaw policies ta’ riformi u strateġiji u jsegwu approċċ integrat li jiżgura konsistenza bejn l-għanijiet u l-mezzi madwar is-setturi;
-           Jingħata appoġġ lill-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali biex jiddefinixxu u jimplimentaw proċessi xierqa u metodoloġiji billi jiġu meqjusa l-good practices u lessons learned minn pajjiżi oħrajn fl-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet simili.
-           Jiġu assistiti l-awtoritajiet nazzjonali biex titjieb l-effiċjenza u l-effettività tal-management tar-riżors uman billi jiġi msaħħaħ l-għarfien professjonali u l-ħiliet, kif ukoll permezz tad-definizzjoni ta’ responsabbiltajiet ċari.

Aaron Farrugia spjega li taħt l-ewwel sejħa, li saret fl-2017, Malta bbenefikat minn 975,000 ewro ta’ fondi li nqasmu bejn tlettax-il proġett li ffukaw fuq numru ta’ oqsma, bħal it-titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, appoġġ fl-implimentazzjoni ta’ comprehensive spending reviews, tisħiħ tad-disinn ta’ qafas għall-promozzjoni ta’ governanza alternattiva tal-fuel u capacity building, fost l-oħrajn. Is-Segretarju Parlamentari Farrugia kompla billi qal li Malta issa assigurat miljun ewro oħra għal 7 inizjattivi ġodda li se jittieħdu minn awtoritajiet nazzjonali taħt it-tieni sejħa tal-programm. 
L-inizjattivi f’dan ir-rigward jinkludu: it-titijib tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, appoġġ fl-identifikazzjoni ta’ early school leaving, capacity building fis-settur diġitali fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, riformi fi ħdan is-settur tal-public procurement u anke d-diġitalizzazzjoni tas-industrija marittima.

Mal-20 proġett li bihom se jkompli jitjieb is-servizz mogħti lill-klijenti tas-Servizz Pubbliku

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li permezz tal-fondi mħabbra se jitwettqu aktar proġetti li permezz tagħhom is-Servizz Pubbliku se jsir iżjed effiċjenti u jkun promotur ta’ sistemi u metodi li bihom jintlaħqu miri bħal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, u servizz dejjem imtejjeb għall-klijenti. Il-premjijiet u r-rikonoxximenti internazzjonali li kiseb is-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin għas-servizz li jagħti jixhdu l-progress li sar f’dan ir-rigward, qal is-Sur Cutajar.

Hu żied jgħid li permezz tal-fondi tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali se jitwettqu mal-20 proġett li permezz tagħhom se jkompli jitjieb is-servizz mogħti lill-klijenti tas-Servizz Pubbliku. Dawn il-proġetti qed jitwettqu f’qafas ta’ viżjoni waħda, jiġifieri servizzi governattivi aċċessibbli 24 siegħa kuljum minn kullimkien matul is-sena kollha.

Din il-viżjoni, qal is-Sur Cutajar, qed titwettaq bl-għajnuna tal-investiment qawwi li qed isir fit-teknoloġija, liema investiment se jwassal għat-tneħħija tas-silos bejn id-dipartimenti tal-Gvern u entitajiet pubbliċi, u għal aktar aċċess mill-klijenti għall-informazzjoni. It-twettiq ta’ din il-viżjoni se jwassal għal viżjoni oħra li trid titwettaq, jiġifieri l-prinċipju li l-klijent jagħti l-informazzjoni dwaru nnifsu darba biss. Biex iseħħ dan, tinħtieġ aċċessibilità totali għall-informazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Gvern flimkien ma’ aktar investiment fit-teknoloġija.